Nafuh bħala l-wiċċ ta' Xarabank. Peppi Azzopardi għal snin twal żamm kumpanija lil tant u tant nies u uża l-pjattaforma tal-programm biex jagħti leħen lil kulħadd! Hu dejjem emmen fil-kawżiet ġusti u ħadem biex għen lil kulħadd, inkluż min għamillu l-ħsara. Peppi kien il-mistieden ta' Melanie Kelly fuq Kellymni - Il-Podcast ta' Gwida.
Peppi jitkellem dwar sitwazzjonijiet li ltaqa' magħhom tul is-snin, fejn min jattakah ikun jixtieq li jiltaqa' miegħu. Hu jgħid li jkun jixtiequ jara li dan mhux mostru, iżda għandu biss ħsieb differenti u l-persuna l-oħra tirrealizza l-istess ħaġa. Anke lil min qal li lest li jħallas somma flus ġmielha biex jinqatel Peppi, spiċċa ħafirlu fil-qorti.
Hu xtaq li anqas biss jitressaq il-qorti iżda minħabba l-kliem li ntqal ma kienx hemm għażla oħra. Bl-aktar mod umli, Peppi poġġa bilqiegħda fil-qorti fuq in-naħa tal-akkużat u kif jirrakkonta l-episodju tindunaw li ġenwinament ma xtaqx li dan ma jeħel xejn.
F'dan il-podcast se tiskopru aktar lil Peppi mill-viċin u se tiskopru kemm għandu qalb kbira, iħenn għall-proxxmu u dejjem jara kif ħa jgħin lil dak u lill-ieħor. Segwu l-episodju li ħareġ it-Tnejn li għadda, Kellymni - Il-Podcast ta' Gwida.mt bi preżentazzjoni ta' Melanie Kelly, it-Tnejn 3 ta' Marzu, mit-20:00 'l quddiem.