Il-kantant lokali Lawrence Gray huwa l-mistieden li kien imiss din il-ġimgħa waqt Kellymni. Lawrence jitkellem fuq il-karriera mużikali tiegħu, fosthom il-Malta Eurovision Song Contest u diversi festivals lokali.
Festival li hu jemmen li kellu jirbaħ aktar minn darba iżda sfortunatament din ir-rebħa baqgħet ma tfaċċatx għalih. Lawrence dejjem ġie mal-aqwa 10, u jħoss li darbtejn minnhom b'mod speċjali ħass li kellu jirbaħ.
Isemmi mument li ma jinsa qatt, meta persuna li kienet inkarigata tagħti l-voti fil-Malta Eurovision, mar ikellmu l-ħanut fejn kien jaħdem. "Għidtlu nista' naqdik?... 'M'intix tagħrafni?' qalli. Kif qalli min hu, għidtlu skużani."
Lawrence jkompli jirrakkonta li dan il-persuna qallu li ried ikellmu bejniethom, u qabel imut, minħabba marda li kellu, xtaq jitolbu maħfra fuq xi ħaġa li ġrat fil-passat. Lawrence staqsa lill-imgħallem jistax ikellmu, u tah il-permess.
"Niżel għarkuptejh, infaqa' jibki... Ġejt Hawn Biex Qabel Nitlaq Nitolbok Maħfra. għax kien hemm sena partikolari, li int ma mortx għall-Eurovision, għax jiena għamilt ċertu affarijiet u ma rridx immut b'dak ir-rimors. Int kien ħaqqek titla' u ma tlajtx minħabba fija."
Qabel ma ħafirlu, ma kienx bi ħsiebu jitlaq. Lawrence aċċetta l-maħfra u qallu li dak li sar sar. "Mhux se ninsieha qatt din...", ikompli Lawrence.
Segwi l-intervista sħiħa hawn: