Waqt Kellymni ta' ġimgħa ilu smajna l-istejjer tal-preżentatur Keith Demicoli, fejn tkellem dwar diversi perjodi minn ħajtu. Fosthom jitkellem dwar il-karriera tiegħu kif ukoll il-bidla kbira li għamel meta waqaf jaqra l-aħbarijiet. 

Li jaqra l-aħbarijiet jibqa' parti speċjali f'ħajtu, u kien dak li ngħidulu dream job tiegħu, madanakollu meta xtaq bidla, ħa l-aħjar deċiżjoni. "Ħa nieħu riskju vera, imma jekk ma nippruvax jaf ħa niġi għal 55 u 60 sena, u ngħid, '20 sena ilu kelli ċans neħodha dik, u ma ħadthiex'," jispjega Keith. 

Keith jgħid li mhux faċli, iżda dejjem xtaq li meta jkollu ħajra li jieħu deċiżjoni għall-aħjar, ħadha. Keith xtaq li jmur għax-xogħol ferħan, u mhux jibqa' jagħmel l-istess ħaġa u minn ġewwa ma jkunx kuntent. "Li tqum kuntent u tagħmel xi ħaġa li tieħu gost tagħmel, m'hawnx isbaħ minnha."

Lejn l-aħħar tal-podkast, Keith jgħaddi anke l-parir u l-messaġġ tiegħu li jixtieq jgħaddi, fosthom liż-żgħażagħ. Keith kieku kellhom jistaqsuh għal parir iż-żgħażagħ dwar il-karriera, jgħidilhom biex ma jeħlux ma' dream job, iżda jsibu xi ħaġa li jieħdu gost jagħmlu, u jagħżu karriera li jieħdu gost biha.

"Sib xi ħaġa li tieħu gost tagħmel, u wara staqsi lilek innifsek x'veru jinteressak, dawk iż-żewġ mistoqsijiet, naħseb li ser tagħżel karriera li vera tieħu gost fiha. Jista' jkun ma taqlax flus, għax jien uffiċjalment gradwajt biex naħdem fit-teknoloġija tal-informatika mma għażilt karriera kompletament differenti, li naqla' nofs il-flus, imma għażilt lilha għax dak hu li nieħu gost nagħmel l-iktar. Minflok mort f'uffiċċju mal-kompjuters, għażilt lin-nies."

Segwi aktar hawn taħt:


Gwida.mt