L-E.T. Mario Grech tkellem ilbieraħ filgħaxija u ta kelmtejn wara li l-Papa Franġisku ħabbar li ser jaħtru Kardinal. Fil-filmat jgħid li 5 sigħat qabel, mara li kienet qed tisma' l-quddies tiegħu sejħitlu u qaltlu, "Eminenza, grazzi tal-quddies".

Bl-aktar mod ġentili hu qalilha li dak ma kienx titlu tiegħu, imma hu sempliċi saċerdot u isqof. Iżda ħames sigħat wara, dak it-titlu ġie relevanti ħafna. Fi 28 ta' Novembru, Mario flimkien ma' 12 oħra ser jinħatru kardinali mill-Papa.

"Jien irrid ngħid grazzi lil Alla tas-sejħa li qed jagħmilli fil-knisja, grazzi lil ħuti isqfijiet ta' Malta u Għawdex u tal-kuraġġ li għamluli, grazzi lill-awtoritajiet ċivili li kkomunikaw miegħi li għamluli kuraġġ, grazzi lill-poplu ta' pajjiżna!" l-E.T. Mario iħoss li l-Maltin għad għandhom għal qalbhom il-missjoni u l-ħajja tal-knisja.

"Inroddilkom ħajr talli b'xi mod jew ieħor għentuni biex ninbena, komplu itolbu għalija!" jgħid l-Eminenza. Fil-filmat jemmen li l-Madonna ta' Pinu għandha mħabba speċjali għall-knisja tagħna. 

Awguri minn qalbna!


Anthony Baldacchino