Il-kantanta Għawdxija Charlene Rae ftit tal-jiem ilu tellgħat post fuq il-profil tagħha ta' Facebook li ġibed l-attenzjoni tagħna. "Min jafni sew, jaf li ma kontx jien innifsi għal żmien pjuttost twil. Aħjar minn hekk, ma kontx jien innifsi għal dawn l-aħħar ftit snin u dan kien wara li sofrejt telfa enormi."

Hi tkompli tgħid, "Matul ħajti, kont inħobb il-mużika imma wara dak iż-żmien partikolari, kienet saret iktar minn hekk. Imbagħad ħarist lejn il-mużika bħala ħarba, nidħol f'dimensjoni oħra, xi ħaġa li tista' tuża biex tesprimi ruħek jew biex tilħaq lin-nies mingħajr ma tgħid xejn. Għaddew kważi 9 snin nistaqsi kif tkun il-kanzunetta perfetta u naħseb li din hi. Kanzunetta dwar l-eroj f'ħajti li ttieħed kmieni wisq."

Charlene tispjega, "Stinkajt biex naċċettaha, għadni qed nitħabat u se nibqa’ nitħabat imma din il-kanzunetta b’xi mod, tagħtini serenità. Onestament ma nistax nistenna li naqsam dan magħkom ilkoll. Nispera li intom tħobbuha daqskemm inħobbha jien u li tipprovdi l-istess serenità għal dawk li ġarrbu t-telfa ta' xi maħbub qarib."

Charlene tniedi filmat mużikali bil-lirika u bosta ritratti mal-eroj tagħha l-għażiż missierha. Kanzunetta sentimentali li fiha tirrakkonta tassew x'fisser missierha għaliha. Charlene tgħid magħna li kienet ilha biex tniedi xi ħaġa daqstant personali u temmen li dan hu ż-żmien addattat.

Din ħa tkun l-ewwel kanzunetta li l-kantanta qed tniedi wara li għamlet id-debutt tagħha fil-festival l-Għanja tal-Poplu tal-2017. Gwida.mt tawgura lil Charlene bosta affarijiet sbieħ tul il-karriera tagħha. Missejtilna qalbna tassew b'din il-kanzunetta mill-isbaħ!

Facebook / Charlene Rae


Gwida.mt