Mhux l-ewwel darba li smajna li koppja għamlet xi ħaġa differenti għal jum tat-tieġ tagħha u donnu llum il-ġurnata qed issir aktar u aktar popolari. Il-ġurnata fejn il-koppja tgħid is-signor si hi waħda speċjali ferm u m’hemmx bżonn li wieħed dejjem jikkonforma ma’ dak li hu mistenni minnhom f’dan il-jum. Hu proprju l-jum tagħhom u għandhom igawduh u jgħixuh kif verament jixtiequ.

Matthew u Rachelle għamlu proprju dan, tant hu hekk li l-koppja iddeċidew li jgħinu lil xulxin jilbsu u anke waslu fuq il-post fl-istess karozza. Żgur kemxejn differenti milli wieħed jistenna f’tieġ tipiku Malti li jimxi mat-tradizzjoni fejn l-għarus u l-għarusa ma jarawx lil xulxin qabel jiżżewġu. Kif wieħed jista’ jsegwi fil-filmat, xorta kien missier l-għarusa li wassal lil bintu għar-raġel futur tagħha. Il-koppja xtaqu li jiksru ftit it-tradizzjoni u jkunu ftit differenti.

Sabiħ li wieħed jagħmel dak li jixtieq f’wieħed mill-isbaħ jiem ta’ ħajtu u din il-koppja żgur li hija xhieda ta’ dan. F’isem Gwida.mt nifirħu lil din il-koppja ħajja feliċi u ta’ kuntentizza flimkien. Awguri mill-qalb.


Emil Calleja Bayliss