Fuq Kellymni se niltaqgħu ma' Stephanie Spiteri, preżentatriċi maħbuba mmens mal-qarrejja ta' Gwida u ċertament mal-poplu Malti u Għawdxi. Nistgħu ngħidu li lil Stephanie tant ilna narawha ta' kuljum fuq it-televiżjoni li kważi lkoll nafuha iżda nafuha tagħmel l-intervisti u forsi ftit rajnieha tkun intervistata.
Tul il-podcast ħa jkollna ċ-ċans li nsiru nafu ċerti episodji f'ħajjet Stephanie li forsi ma konniex nafu dwarhom jew li forsi qatt ma smajnieha tirrakkonta fid-dettal. Tul din l-intervista se joħroġ il-karattru dħuli ta' Stephanie, iżda barra minn dan se naraw il-passjoni li għandha lejn ix-xogħol tagħha. Passjoni li għenitha tibqa' għaddejja fi żmien li ma tantx kien faċli fil-passat.
Stephanie tiddiskuti wkoll ċerti kummenti ta' wħud mit-telespettaturi meta laħaq kellha mistiedna barranin. Hi tistqarr li tagħmel l-aħjar li tista' biex tippreżenta stejjer differenti u intervisti ma' nies li forsi ma tantx iltqajna magħhom. Infatti tgħid li rridu nifhmu li llum il-ġurnata m'aħniex Maltin biss ġewwa Malta u rridu napprezzaw dan il-fatt.
Lil hinn mill-lingwa, Stephanie taqsam aktar esperjenzi personali. Inkluż żmien fil-passat li tistqarr li anqas biex tixtri flixkun luminata ma kellha iżda rat kif għamlet biex bilmod terġa' tqum fuq saqajha! Ingħaqdu magħna biex isegwu l-episodju li jmiss ta' Kellymni bi preżentazzjoni ta' Melanie Kelly, għada it-Tnejn 20 ta' Mejju, mit-20:00 'l quddiem.
Wieħed jista' jsegwi Kellymni - il-Podcast ta' Gwida minn fuq il-paġna ta' Facebook tagħna, fuq Youtube u wkoll tista' tisimgħu fuq Spotify.