Il-kantant ambaxxatur tar-Renju Unit fil-Eurovision Song Contest 2022 Sam Ryder, jinsab viċin ħafna li jikser rekord speċjali! Fil-fatt il-kanzunetta ta' Sam, Spaceman, qiegħda fiċ-ċans li titla' fil-quċċata taċ-charts Ingliżi, u tikser rekord li ilu mill-1996.

Jekk jispiċċa fl-ewwel post sa ma taqleb il-ġurnata llejla, Ryder isir l-ewwel persuna li jitla' fil-quċċata tal-klassifika tar-Renju Unit b'kanzunetta tal-Eurovision mill-1996 l'hawn. L-aħħar li ġrat kien propju 26 sena ilu bil-kanzunetta "Ooh Aah... Just a Little Bit" ta' Gina G.

"L-isfida li niktbu l-istorja tal-Eurovision qiegħda hawn, u bla dubju bħal dejjem hemm bżonn l-għajnuna tagħkom biex nirnexxu!" Ryder iħeġġeġ lis-segwaċi tiegħu Ingliżi iniżżlu kwalunke verżjoni tal-kanzunetta Spaceman, biex ikomplu jtellgħuha lejn il-quċċata.

"Għandi tama u nemmen li se jirnexxielna. Inħobbkom kollha!" Dan kien il-kliem li qal Ryder hekk kif il-kanzunetta fil-fatt ġennet lil kulħadd! Kulħadd isemmiha u jdoqqha b'xi mod jew ieħor!

Tgħid jirnexxielu jitla' fl-ewwel post sa nofsilejl li ġej? 


Kyle Zarb