Waqt il-podcast Kellymni ħa niskopru ftit dwar iż-żewġ fares li kellha Stephanie Spiteri xi xhur ilu fuq il-programm tagħha Illum ma’ Steph, u kif bdiet tibża’ li se tagħmel xi oħra.
Stephanie tkellmet dwar meta bi żball għafset in-numri t-tajbin u fetħet is-safe waqt il-programm. Issemmi li minn żball, spiċċa f'okkażjoni mill-isbaħ fejn iltaqgħet ma' telespettattriċi waqt il-programm. L-istess telespettattriċi li kienet qed tilgħab il-logħba tas-safe meta ħadet l-iżball Steph.
Jumejn wara Stephanie tgħid li qrat kelma li bagħtet telespettattriċi waqt ir-rokna tal-Malti, u ma basritx kif ser tinstema meta taqraha. Il-famuża "il-lalla", li tirreferi għal dik li ħafna jsibuha bħala ċ-ċejċa.
Ħafna bdew jgħidulha, "fuq tlieta toqgħod il-borma!", u iktar bdiet tibża' li ser tagħmel xi żball ieħor Steph. Dakinhar filgħaxija kellha tgħid in-numri tal-lottu u tas-super 5. "Bdejt inħoss l-għaraq iqattar ma' dahri, bdejt ngħid Steph ara ma tagħmilx xi żball..."
Żgur li grazzi għal Kellymni se tiskopru aktar dwar waħda mill-aktar preżentaturi maħbuba mal-Maltin u Għawdxin u ser tpoġġi tbissima fuq wiċċkom!