Maria Formosa, hi l-mistiedna li jmiss fuq Kellymni - Il-Podcast ta' Giwda. Lil Maria kulħadd jafha bħala l-mara ta' Bjorn Formosa, kulħadd jafha bħala l-ispalla tiegħu u l-persuna li tagħtih is-sapport kollu tagħha. Iżda lil hinn minn dan, f'dan il-podcast Melanie se tiksopri aktar min hi Maria.

Maria se tkun qed titkellem dwar ħajjitha u l-vjaġġ kollu tagħha. Ħa titkellem dwar ix-xewqat, il-ħolm u dak kollu li għaddiet minnu. Hi titkellem dwar il-passatempi tagħha u dak li fil-ħin liberu tieħu gost tagħmel. Il-karattru tagħha żgur li kellu parti essenzjali minn kif nibtet ir-relazzjoni tagħha ma' Bjorn.

Hi titkellem dwar il-fatt li minn meta kienet żgħira, dejjem xtaqet li tiżżewweġ u tibni familja. Iżda tistqarr li minkejja dan, hi kienet realistika u tgħid li żammet f'moħħha li kieku hi u Bjorn kellhom iġibu tarbija fid-dinja kienet se tkun ta' sfida. Sfida minħabba l-fatt li trid tlaħħaq mat-tarbija, ma' Bjorn u x-xogħol kollu. Araw x'kellha xi tgħid.

Il-podcast ħa jkun wieħed li ħa jixħet dell fuq il-ħajja ta' Maria, min hi u dak kollu li jagħtiha identità, lil hinn mill-mara ta' Bjorn. Ingħaqdu magħna biex isegwu l-episodju li jmiss ta' Kellymni bi preżentazzjoni ta' Melanie Kelly, għada it-Tnejn 3 ta' Ġunju, mit-20:00 'l quddiem.


Emil Calleja Bayliss