Ninsabu ftit ġimgħat ’il bogħod mill-ftuħ tal-festival Summerlust li huwa mistenni minn ħafna. L-organizzaturi, Għaxaq Music Events jinsabu għaddejjin b’bosta preparamenti għat-tliet kunċerti spettakolari li ser jittellgħu f’Mejju fil-qalba  tar-raħal ta’ Ħal Għaxaq, propju f’Għaxaq Grounds biswit il-pjazza ewlenija.

Is-separju jiftaħ nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Mejju permezz ta’ wieħed mill-aqwa artisti fix-xena mużikali Taljana, Umberto Tozzi. Ir-ripertorju ta’ dan il-kantant huwa vast ħafna però l-udjenza żgur li ser tkun qed tistenna b’tant ħeġġa wħud mis-suċċessi tiegħu bħal Gloria, Tu, Ti Amo, Stella Stai u ħafna aktar.

Imbagħad is-Sibt 18 ta’ Mejju, dawk kollha preżenti ser ikunu jistgħu jiddevertu flimkien mal-kantanta Amerikana, Anastacia. F’dan il-kunċert uniku żgur li wieħed jistenna kanzunetti famużi internazzjonalment bħalma huma I’m Outta LoveLeft Outside Alone, Sick and tired u One day in your life fost oħrajn.

Ma’ dawn l-artisti kbar jingħaqdu wkoll talenti lokali differenti biex ikomplu jżewqu l-atmosfera li ser tinħoloq. Dawk kollha li għadhom ma xtrawx il-biljetti tagħhom għal dawn iż-żewġ serati impekkabbli li ser jiftħu l-istaġun sajfi, jistgħu jagħmlu dan billi jżuru www.showshappening.com.

L-organizzaturi ma waqfux hawn, u ddeċidew li jkomplu joffru spettaklu nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Mejju permezz ta’ artisti differenti minn madwar id-dinja li ser jieħdu lil dawk preżenti fuq vjaġġ lura għad-disgħinijiet.

Il-kunċert ta’ dakinhar ser ilaqqagħna ma’ Corona, ICE MC u Dj Prezioso li żgur ser jinżlu għasel mal-udjenza. Tajjeb insemmu li dan il-kunċert ser ikun b’xejn, però jistgħu jinxtraw biljetti għall-VIP area minn www.showshappening.com.

Bħalma ġara fis-snin li għaddew, matul dan il-festival ser ikunu qed jinġabru donazzjonijiet għal għaqdiet differenti. Din is-sena, il-festival ser jittella’ b’risq Dar Bjorn.

Għal aktar dettalji u informazzjoni nħeġġukom iżżuru l-paġna ta’ Facebook Għaxaq Music Events li tiġi aġġornata minn ġurnata għal oħra. Dan il-festival qiegħed isir taħt il-patroċinju distint tal-Kunsill Malti għall-Arti, Festivals Malta u l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu.


Gwida.mt