Mixta.mt fuq il-paġna tagħhom kitbet, "Wara 28 episodju, ilbieraħ wasal fi tmiemu s-serje Fuq 3 faċċati. Grazzi lil atturi kollha li għoġobhom jaċċettaw ikunu parti minn dan il-proġett, lil NET Television li emmen għal darb'oħra f'Mixta, lil kittieb Bryan Muscat, lill-kru (Darren Michael Navarro, Martina Catania, Roderick Castillo, Christine Ellul u Lenies Pace) tax-xogħol bla waqfien tagħhom, u fl-aħħar iżda żgur mhux l-inqas, lilkom l-udjenza tas-sapport kontinwu tagħkom."
Żewġ atturi wkoll urew l-apprezzament tagħhom fuq il-mezzi soċjali. Byron Mercieca kiteb, "U hekk ġie fi tmiemu fuq tliet faċċati. Grazzi lil Clayton Pace u Lenies Pace tal-fiduċja tagħkom, lil Bryan Muscat tal-kitba, lill-familja ta’ Mixta, u lill-atturi kollha li ħdimt magħhom. 'Grazzi' mhix biżżejjed — nibqa’ grat lejkom minn qalbi. Grazzi mill-ġdid!"
Mill-banda l-oħra l-attriċi Gerturde Borg Marks kitbet, "U hekk, Fuq 3 Faċċati wasal fi tmiemu! Grazzi mill-qalb lil Mixta.mt, Clayton Pace u Lenies Pace talli fdawni bir-rwol ta’ Helen. Lil ħabib u mentor tiegħi Bryan Muscat, grazzi tal-pinna maġika tiegħek - talli ħloqt wieħed mill-aktar karattri fondi, intensi u ta’ sfida li qatt kelli l-privileġġ inwassal u nagħti l-ħajja."
Hi żżid, "Grazzi wkoll lill-atturi sħabi, lid-direttur tagħna, u lill-kru meraviljuż li ħadem bla waqfien. U grazzi speċjali lilkom, telespettaturi, li ġimgħa wara ġimgħa segwejtuna b’daqshekk passjoni! Bħal kull karattru li qatt interpretajt, Helen se tibqa’ timmarkani fil-fond ta’ qalbi. X’vjaġġ inkredibbli kien!"
Ħa nimmissjawkom!
Facebook / Mixta.mt