Dawn il-vaganzi tal-Għid, aqbeż qabża sal-villaġġi tal-artiġjanat ġewwa Ta’ Qali u/jew Ta’ Dbieġi f’Għawdex, ħu sehem fl-ewwel edizzjoni tal-Easter Egg Hunt organizzata mill-Malta Crafts Foundation, u idħol biċ-ċans li tirbaħ wieħed minn żewġ settijiet ta’ vawċers b’valur ta’ €100 kull wieħed.

L-artiġjana li qed jieħdu sehem – li wieħed jista’ jagħraf permezz ta’ posters imwaħħla mad-daħla tal-ħwienet tagħhom – ħbew bajda tal-Għid qalb il-prodotti tagħhom. Uħud minnhom saħansitra ħolqu din il-bajda bis-sengħa artiġjanali tagħhom.

Kulma trid tagħmel biex tieħu sehem huwa li tmur tesplora dawn il-ħwienet u tfittex il-bajd tal-Għid, tieħu ritratt ta’ kull waħda li ssib, u ttella’ r-ritratt fuq il-formola diġitali – hemm waħda għall-Villaġġ tal-Artiġjanat ġewwa Ta’ Qali, u formola oħra għall-Villaġġ tal-Artiġjanat ġewwa Ta’ Dbieġi.

Biex taċċessa l-formoli, tista’ wkoll tuża l-QR code li ssib fuq l-istess posters mad-daħla tal-ħwienet. Sabiex jagħmlulkom il-ħajja aktar faċli, uħud mill-artiġjana ħolqu iktar minn bajda tal-Għid waħda, iżda kull m’għandek bżonn ittella’ huwa ritratt wieħed għand kull artiġjan.

Min isib l-iktar bajd tal-Għid f’kull villaġġ jidħol biċ-ċans li jirbaħ wieħed mis-settijiet ta’ vawċers li jissarfu mingħand l-artiġjana li qed jieħdu sehem f’din l-Easter Egg Hunt stess – jiġifieri waqt li qed tfittex il-bajd tal-Għid żomm għajnejk miftuħa għall-prodotti sbieħ madwar il-ħwienet!

L-Easter Egg Hunt se ssir matul il-vaganzi tal-Għid, bejn is-Sibt 30 ta’ Marzu u s-Sibt 6 t’April (minbarra nhar l-Għid, il-Ħadd 31 ta’ Marzu), fil-ħinijiet tal-ftuħ tal-artiġjana (li jvarjaw minn ħanut għall-ieħor, iżda l-parti kbira tagħhom ikunu miftuħin bejn l-10:00h u t-15:00h).

Għal aktar dettalji, tista’ żżur is-sit elettroniku tal-Malta Crafts Foundation jew issegwi l-paġni soċjali fuq Facebook u Instagram.


Gwida.mt