Din is-sena ser tkun il-ħamsa u tletin darba li Malta qed tipparteċipa fil-Eurovision Song Contest. Għal din is-sena Malta ser tkun irrappreżentata minn grupp ta' tliet mużiċisti bravissimi li ilhom ħafna fix-xena tal-mużika, joħolqu kanzunetta ġodda.

The Busker hu grupp magħmul minn Dav.Jr, Jean Paul Borg u Sean Meachen, li fi Frar li għadda seraq il-qlun tal-poplu Malti u Għawdxi. Huma rebħu l-Malta Eurovision 2023 bil-kanzunetta Dance (Our Own Party)

Aħna ta' Gwida.mt xtaqna nitkellmu daqsxejn magħhom hekk kif wasal iż-żmien li narawhom fuq il-palk ta' Liverpool jirrappreżentawna. Tkellimna dwar ir-rebħa tal-Malta Eurovision, il-kanzunetta Dance (Our Own Party), il-messaġġ b'saħħtu warajha, il-mużika tagħhom inġenerali, u aktar.

Xi tfisser għalikom is-sena 2023 wara s-suċċess ta’ Frar li għadda?

Din is-sena ħa tibqa' ttimbrata bħala sena speċjali għalina, hekk kif wara li ġejna magħżula mill-poplu Malti u Għawdxi biex nirrappreżentaw lil pajjiżna ġewwa Liverpool, ġabet magħha opportunitajiet ġodda. Għal tliet mużiċisiti li ilhom jaħdmu fuq il-ħolma tagħhom minn meta kienu żgħar, hija impossibli għalina biex ma nkunux grati għal kull ħaġa li qed tiġri bħalissa.

Kif tirrelataw mal-kanzunetta Dance (Our Own Party) individwalment, Dav.Jr, Jean Paul u Sean?

It-tlieta li aħna nistgħu ngħidu li d-diska tirrappreżentana ħafna lirikament hekk kif kollha kemm aħna sibnieha diffiċli biex immorru lura għan-normalità wara l-pandemija. Għal sentejn sħaħ sibna l-wens fil-kumdità tad-dar u taċ-ċirku zgħir ta' nies li huma tant għeżież għalina. Dan kollu qed jiġi ppreżentat bil-kunċett ta' 'sweater', li mhux soltu tmur parties bihom, iżda jekk tikrea l-festin tiegħek, tkun tista' tibqa' bil-ħwejjeġ ta' ġewwa u ssib mezz kif tieħu pjaċir bil-mod tiegħek!

L-isbaħ kumment li rċevejtu dwar il-kanzunetta s’issa u l-iktar li ser tgħożżu - għaliex?

Naħseb l-isbaħ kummenti li bħalissa qed nirċievu hu kemm hemm nies hemm barra li qed jirrelataw mal-lirika tagħna. Ħafna nies qed jiktbulna fuq il-mezzi soċjali dwar kif id-diska qed tgħinom jaffaċċjaw mumenti diffiċli u ma jħossuhomx waħedhom. Qed ikun hemm anke 'fan art' li qed jibagħtulna l-interpretazzjoni tagħhom tad-diska. Dawn affarijiet li impossibli tinsihom, u jtuk ħafna kuraġġ biex tkompli taħdem.

Kif tixtiequ li tkunu ta’ ispirazzjoni għal artisti oħra?

Il-parteċipazzjoni tagħna fil-Eurovision nixtiequ li tkun ta' ispirazzjoni għal artisti oħra li forsi l-pjattaforma tal-Eurovision ma tkunx l-ewwel deċiżjoni tagħhom meta jkunu ħa johorgu diska. Nixtiequ li nispiraw bands/kantanti li ġejjin iktar mix-xena alternattiva fejn forsi l-opportuntatijiet huma iktar limitati. Il-mużika hi xi ħaġa li għandha tiġi ċċelebrata, u nemmnu li l-Eurovision qed jagħmel dan b'suċċess kbir.

Xi tgħidulna dwar ir-rispons li qed tirċievu mill-udjenzi, speċjalment waqt il-prestazzjonijiet live li tajtu waqt il-Eurovision parties?

Ir-rispons qed ikun tajjeb ħafna u n-nies qed jiġu iktar familjari magħna bħala grupp. Fil-waqt li l-Eurovision huwa magħruf għal att teatrali, dawn il-'pre-parties' qed iservu għal konnessjoni aħjar mas-segwaċi ta' dan il-festival. Huwa wkoll opportunità għalina biex insiru nafu lill-parteċipanti l-oħra f'element mhux daqshekk kompetittiv. Waqt il-'pre-parties' ġejna bl-idea wkoll li nagħmlu 't-shirt' għal kull pajjiż li mmorru fih, u din tidher li intlaqgħet tajjeb ħafna mal-fans, hekk kif qed nirċievu ħafna messaġġi għalihom biex jixtruhom.

F’xi intervisti semmejtu li kellkom kanzunetta bi stil differenti, li kontu qed taħdmu fuqha, u setgħet ipparteċipat fil-Malta Eurovision. Ser ikun qed jismagħha l-pubbliku? Xi tgħidulna dwarha?

Bħala materjal aħna dejjem inkunu qegħdin niktbu. Meta ġejna biex nisimgħu xi demos li kellna preżenti, l-iktar li rajna jagħmlu sens għall-Eurovision kienu Dance u diska oħra 'acoustic' li fiha rajna potenzjal li turi stil differenti tal-grupp. Iżda minħabba limitazzjoni ta' ħin li kelllna, iddeċidejna li l-enerġija nitfgħuha kollha fuq Dance hekk kif kien baqa' xahar biss għad-deadline tas-sottomissjonijiet. Id-diski l-oħra li qed naħdmu fuqhom bħalissa, ħa jinstemaw żgur f'xi punt, però għalissa l-enerġija tagħna qiegħda kollha fuq il-prestazzjoni tagħna ġewwa Liverpool.

Għandkom xi sorpriża żgħira lesta għall-prestazzjoni ta’ Mejju li ġej?

Sorpriżi qatt mhu ħa jieqfu, dak hu sabiħ tal-kreattività, li dejjem toħloq suspans u taħsad lis-segwaċi b'affarijiet li forsi ma kinux qed jistennew. Sfortuntament għalissa ma nistgħu niżvelaw xejn, però ċerti li ħa jintlaqgħu tajjeb ħafna l-ideat li għandna għad-disa' ta Mejju!

X’inhi l-akbar sfida li affaċċjajtu tul il-vjaġġ tagħkom s’issa?

Il-ħin hu limitat ta' kemm tista' tagħmel affarijiet u naħseb l-isfida tagħna kienet kif ħa nlaħqu nagħmlu kollox b'mod effiċjenti u li ma jkollna l-ebda dispjaċir għal li ma għamilniex wara din l-avventura.

Kif tħossu li ser tgħinkom u qed tgħallimkom l-esperjenza tal-Eurovision?

Qed tgħinna ħafna għax avolja ilna flimkien tul dawn l-aħħar tliet snin b'din il-line up, matul dawn l-aħħar ħames xhur qattajna ħafna ħin flimkien, li għenet ħafna l-'chemistry' tagħna fuq il-palk, li żgur ħa tirrifletti fil-materjal li ħa nkunu qed nirrappreżentaw aktar 'il quddiem. Għalmitna wkoll li fil-ħajja m'hemm l-ebda limitazzjoni, u jekk għandek ħolma aħdem għaliha u tħalli lil ħadd iwaqfek. Ovvjament sagrifiċċji ħa jkun hemm u ħa jkollok tieħu deċiżjonijiet diffiċli, però jekk ma tieħux riskji fil-ħajja qatt mhu ħa tkun taf xi frott seta' ħareġ.

Messaġġ mingħandkom Dav.Jr, Jean Paul u Sean, lill-qarrejja tagħna, li tant qed jurukom appoġġ.

Grazzi ħafna talli emmintu fina u talli qed tafdawna biex nirrappreżentaw lil art twelidna. Hija responsabbiltà li aħna aċċettajna u qed nagħmlu l-għalmu tagħna biex f'Mejju nagħtu l-aqwa performance ġewwa Liverpool u nuru li għalkemm aħna pajjiż żghir, m'hemm xejn li jista' jwaqqafna milli nsemmgħu il-mużika tagħna. Napprezzaw ħafna l-ħin li ħadtu biex taqraw din l-intervista u lil Gwida ta' din l-opportunità li tawna.

Nirringrazzjaw minn qalbna lil The Busker tal-ħin tagħhom għal din l-intervista, u ngħidulhom li aħna ninsabu lkoll warajhom! Jiġri x'jiġri f'Mejju li ġej, kburin bihom dejjem!


Kyle Zarb