Dr. Georgiana Farrugia Bonnici, titkellem dwar il-fibromyalgia, kundizzjoni kkaratterizzata minn uġigħ sever fil-muskoli u għejja persistenti. L-analiżi tagħha tesplora l-kumplessità tad-dijanjosi u t-trattament, u tiddeskrivi l-impatt sinifikanti fuq il-ħajja ta’ kuljum u l-avvanzi riċenti fit-tnaqqis tas-sintomi.

Hi tibda billi tispjega, "Il-fibromyalgia hija kundizzjoni li hija kkaratterizzata minn uġigħ qawwi fil-muskoli, li primarjament ikun preżenti fuq iż-żewġt naħat tal-ġisem, f’partijiet kemm fuq u kif ukoll taħt il-qadd, bħall-ispallejn, id-driegħajn jew ix-xedaq, fis-saqajn, fl-għonq, fid-dahar, fis-sider jew anke fiż-żaqq. Dan l-uġigħ normalment jibqa’ jippersisti għall-aktar minn tliet xhur infila."

Hija tkompli, "Sintomi oħra relatati mal-fibromyalgia huma l-għejja, minkejja li wieħed jaf ikun raqad ammont tajjeb ta’ sigħat kuljum. Mill-banda l-oħra, l-irqad jista’ jkun qed jiġi interrott minn perjodi ta’ uġigħ, bil-lejl. Persuni li jbatu mill-fibromyalgia ġeneralment jirrapportaw ukoll tibdil spiss fil-burdati, jew saħansitra, nuqqas ta’ konċentrazzjoni jew memorja; li hu wkoll imsejjaħ bħala ‘brain fog’.

It-tabiba tgħid, "Diversi riċerkaturi jaħsbu illi din il-kundizzjoni jista’ jkun tiżviluppa minħabba li jkun hemm diżordni fis-sistema ta’ kif il-ġisem jamplifika s-sinjali ta’ l-uġigħ, li jkunu għaddejjin bejn il-moħħ u s-sinsla tad-dahar. Filwaqt li l-ġenetika jista’ jkun li żżid ir-riskju li wieħed jaqbdu din il-kundizzjoni, dawn is-sintomi jistgħu wkoll jibdew wara xi avveniment partikolari fil-ħajja ta’ dak li jkun, bħal trawma, operazzjonijiet, infezzjonijiet jew stress qawwi."

Hi żżid, "F’ċerti każijiet oħrajn, dawn is-sintomi, li ħafna drabi jillimitaw drastikament il-funzjoni tal-bniedem fil-ħajja ta’ kuljum, jistgħu jakkumulaw maż-żmien, minkejja li ma jkun hemm l-ebda ‘triggers’. Il-fibromyalgia hija kklassifikata bħala diżordni ta’ esklużjoni, jiġifieri li t-tobba jaslu biex jagħmlu dijanjosi ta’ din il-kundizzjoni, wara li jkunu saru diversi testijiet sabiex jeskludu xi kundizzjonijiet oħra li jistgħu jagħtu sintomi simili bħall-fibromyalgia."

Dr. Georgiana Farrugia Portelli ma' dan tispjega, "Huwa magħruf illi l-fibromyalgia, taffettwa aktar lin-nisa milli l-irġiel. Kif ukoll, il-fibromyalgia għandha tendenza li taffettwa aktar nies li jkunu jbatu minn ‘tension headaches’, diżordnijiet fil-ġogi tal-ħalq, dawk li jbatu bl-‘Irritable Bowel Syndrome’, ‘lupus’, ‘rheumatoid arthritis’, u kif ukoll lil min jbati bl-ansjetà’ jew dipressjoni."

Hi bl-iktar mod onest tistqarr, "Sfortunatament, għad ma teżisti l-ebda kura direttament għall-fibromyalgia. Pero, hemm xi rimedji li jistgħu jtaffu ftit mis-sintomi ta’ din il-kundizzjoni, bħall-mediċina kontra l-uġigħ, kontra t-tibdil fil-burdati jew in-nuqqas ta’ rqad san."

Hi ttemm, "L-eżerċizzji ħfief li jżidu l-flessibilità u l-istamina, bħall-yoga, mixi jew għawm, il-‘counselling’, il-meditazzjoni, u l-użu ta’ l-fiżjoterapija jew aromaterapija jistgħu wkoll jgħinu biex itaffu xi ftit mill-istress li tista’ tikkawża din il-kundizzjoni. Wieħed għandu jara wkoll li jnaqqas it-tipjip, il-prodotti li fihom il-kaffeina, u kif ukoll jiekol dieta bbilanċjata."

Facebook / ×Be Holistically Healthy, MD× By Dr. Georgiana Farrugia Bonnici 


Emil Calleja Bayliss