Kif konna ħabbarna, Malta Pride ngħaqad ma’ Karly May sabiex jorganizzaw l-ewwel Pride Fashion Show, li kif wieħed jista’ jifhem tinvolvi sfilata tal-moda b’antiċipazzjoni għall-Pride Week ta’ din is-sena. L-isfilata seħħet ilbieraħ filgħaxija u ħaddnet diversità ġmielha ta’ disinjaturi u mudelli jew parti mill-komunità LGBTQ+ jew jew alleati tagħha – u mhi sorpriża xejn li s-serata kienet waħda tal-għaġeb!

Facebook / Karly May

L-avveniment, l-ewwel wieħed li qatt sar f’pajjiżna, ġie ppreżentat minn Ylenia Spiteri, magħrufa l-aktar bħala preżentatriċi ta’ Bay Breakfast flimkien ma’ Daniel Testa. L-ewwel disinjatriċi tas-serata kienet Carla Grima, b’linja ta’ lbiesi kkuluriti: sempliċi iżda sbieħ.

Herman Vassallo kien it-tieni disinjatur li esebixxa xogħblu, b’xejra aktar eleganti u formali.

It-tielet disinjatriċi kienet Gabrielle: l-artista ppreżentat diversi lbiesi distinti li mal-ewwel ġibdu l-attenzjoni ta’ kulħadd.

Wara ħin ta’ pawża, Gaetano kien ir-raba’ disinjatur fil-lista... u l-wirja tiegħu marret id f’id ma’ prestazzjoni speċjali minn Claudia Faniello! L-artista rinomata lokali kantat diska ġdida mir-repertorju tagħha, “Fallin’”.

L-aħħar żewġ disinjaturi li wrew ix-xogħol tagħhom kienu Maria Cutajar u Parascandalo. Filwaqt li l-wirja ta’ Maria Cutajar fakkarna fil-mezzutemp li tlifna b’ilwien tar-rebbiegħa u tas-sajf, Parascandalo ħa xejra differenti b’ilwien aktar skuri u lbies immarkat bi stil li issa sar sinonimu ma’ ismu.

Fost dawk li kienu qegħdin jimxu stajna nsibu lill-Miss Universe Malta ta’ din is-sena Teresa Ruglio, il-Miss Universe Malta tas-sena li għaddiet Francesca Mifsud, kif ukoll il-personalità lokali Sarah Zerafa.

Prosit kbira lill-parteċipanti kollha għal serata mill-isbaħ!

Facebook / Karly May


Kurt Gabriel Meli