Raymond Aquilina, persuna ta’ 72 sena, illum irtirat, missier ta’ żewġ ulied u nannu ta’ żewġ neputijiet, għandu passjoni kbira għat-trekking – passjoni li bdiet sa minn meta kien għadu żagħżugħ. L-ewwel esperjenza tiegħu kienet bħala sfida biex jikseb id-Duke of Edinburgh Award lura fl-1976.
Raymond għamel l-ewwel Camino tiegħu minn Lisbona sa Santiago de Compostela fl-2015, distanza ta’ kważi 640 kilometru fi 26 ġurnata. Minn dak iż-żmien sal-lum, għamel 13-il Camino, bl-aħħar wieħed f’Ottubru tas-sena l-oħra.
Fl-2023 wettaq l-itwal Camino tiegħu meta mexa mir-Ruta de la Lana minn Valencia sa Santiago de Compostela – distanza ta’ 1150 kilometru fi 34 ġurnata. Din l-esperjenza kienet ukoll mod kif iċċelebra l-għeluq tas-70 sena tiegħu, fejn iddeċieda li jagħmel din l-inizjattiva b’risq Caritas Malta, u ġabar €3750 fi donazzjonijiet.

Is-sena l-oħra, Raymond kellu ppjanat li jagħmel il-Via Francigena minn Canterbury sal-Pjazza San Pietru, Ruma. L-iskop ewlieni tiegħu kien li jerġa’ jiġbor fondi b’risq Caritas Malta. Sfortunatament, kellu jipposponi l-mixja minħabba li ġie milqut minn kanċer u kellu jibda sessjonijiet ta’ trattament.
Dis-sena, li qed tiġi ċċelebrata bħala s-Sena tal-Ġublew tat-Tama – sena ta’ sinifikat speċjali għal Raymond – hu għandu l-ħsieb li jwettaq din l-inizjattiva f’isem Caritas Malta.
Il-Via Francigena fl-Italja hija l-ewwel u l-iktar triq importanti li, fl-Era Medjevali, kienet tgħaqqad il-pajjiżi tal-Punent mal-belt ta’ Ruma: destinazzjoni prinċipali, flimkien ma’ Ġerusalemm u Santiago de Compostela, għall-pellegrini li kienu jivvjaġġaw minn madwar l-Ewropa kollha.

Raymond Aquilina qed jippjana li jimxi l-Via Francigena, distanza ta’ 2,300 kilometru, tibda mill-Katidral ta’ Canterbury fis-17 ta’ Mejju 2025 u tkun maqsuma fi tnejn:
- Minn Canterbury sa Aosta – ippjanat li jasal fit-23 ta’ Ġunju wara 39 ġurnata mixi.
- Minn Aosta sa Pjazza San Pietru, Ruma – lejn l-aħħar ta’ Settembru u Ottubru, b’35 ġurnata oħra ta’ mixi.
Għal darb’oħra, Raymond Aquilina se jkun qed jagħmel din l-inizjattiva b’risq Caritas Malta, għax jemmen li din l-organizzazzjoni tagħti raġġ ta’ tama lil dawk l-iktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna.
Donazzjonijiet jistgħu jintbagħtu dirett lil Raymond Aquilina fuq Revolut jew BOV mobile number: 9987 6542.