Kien propju t-12 ta' Frar 2022, meta ħajjet il-kantant lokali Ryan Hili nqallbet ta' taħt fuq. Inbidlet b'mod pożittiv, hekk kif wara r-rebħa tiegħu ta' X Factor Malta, Ryan baqa' magħruf għat-talent partikolari tiegħu.

Għaddiet sena u wasal il-11 ta' Frar 2023, hekk kif Ryan klassifika fit-tieni post fil-finali tal-Malta Eurovision. Wara li għadda mal-aqwa 40, Ryan progressa ma' total ta' 24 kanzunetta li kellha tikkompeti għaċ-ċans li tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest ta' Mejju li ġej ġewwa Liverpool.

Ryan ħa sehem bil-kanzunetta In The Silence, u minn xħin semagħha l-poplu Malti u Għawdxi mill-ewwel immeravilja ruħu kemm bil-vuċi tal-kantant, kif ukoll b'dak li kellha x'toffri l-kanzunetta. Il-paġna ta' Gwida.mt tkellmet ma' Ryan dwar dawn l-aħħar sentejn ta' suċċess li kellu, kif ukoll dwar il-pjanijiet li għandu mħejjijin. 

Żewġ suċċessi f’temp ta’ sena! Kif għenuk dawn iż-żewġ esperjenzi bħala artist?

Sena li żgur mhu ser ninsa qatt. Nista' ngħid li bdejt din l-esperjenza nħossni qisni ħuta barra mill-ilma, għax kont għadni ġdid fix-xena mużikali, però llum il-ġurnata nħossni li kbirt, mhux mużikalment biss, iżda personalment ukoll. Naf nagħraf it-tajjeb mill-ħażin u naf x’jikkonsisti biex toħloq proġett mill-bidu sal-aħħar.

X’inhu l-ewwel ħsieb li kellek f’moħħok meta tlestiet il-kanzunetta tiegħek In The Silence?

L-ewwel ħsieb tiegħi kien, li qas nista' nemmen li In The Silence kellha ċ-ċans tkun fuq il-palk tal-Malta Eurovision, b’ċans li nirbaħ u nirrappreżenta lil Malta. Il-Eurovision inħobbu ħafna u nsegwih kull sena, b’hekk il-ħsieb li kelli l-opportunità nkun parti minnu kien mument speċjali ħafna.

Kien hemm għażla ta’ kanzunetti oħra apparti din? Għaliex In The Silence?

Nammetti li wara l-X Factor ikkuntatjawni ħafna biex jaħdmu miegħi fuq kanzunetta għall-Malta Eurovision Song Contest, però mhux kollox kien ta' livell fl-opinjoni tiegħi. Meta avviċinawni Aaron Sibley u Natan Dagur bil-kanzunetta In The Silence, qas ilħaqt smajt l-ewwel ħames sekondi li aċċettajt mill-ewwel biex inkomplu niżviluppawha.

Minn fejn beda l-vjaġġ ta’ In The Silence?

Kif għidt fl-aħħar mistoqsija, ftit xhur qabel għalqu l-applikazzjonijiet kont ġejt avviċinat minn Aaron Sibley u Natan Dagur. Minn dejjem kelli idea fuq x’messaġġ irrid inwassal bil-kanzunetta, u meta smajt In The Silence l-ewwel darba, nista' ngħid li ħafna mill-punti kollha li xtaqt nesprimi kienu diġà qegħdin hemm. Bdejna naħdmu fuq il-kanzunetta mill-ewwel u għamilna mezz biex il-prodott finali jkun kif suppost.

L-isbaħ kumment li irċevejt tul il-vjaġġ tiegħek tal-MESC

Is-sapport ma waqaf qatt, u kompla jiżdied minn wara l-ewwel darba li n-nies semgħu il-kanzunetta mill-bidu sal-aħħar. L-iktar messaġġi li nibqa' ngħożż huma dawk tal-familja u tal-ħbieb għax kollha jafu xi jfisser għalija l-Eurovision. Messaġġi oħra li apprezzajt ukoll kienu mingħand nies li wara l-Malta Eurovision Song Contest xtaqu jkomplu jaħdmu miegħi fuq proġetti ġodda.

Ryan Hili ser jirritorna għal MESC 2024? 

Mhux faċli ngħid iva jew le minn issa, però ma tistax tgħid x’jiġri. Jekk ikolli kanzunetta tajba, tarawni żgur.

Kif tiddeskrivi s-sentiment jew il-ħsibijiet qabel titla’ fuq palk/pjattaforma biex tkanta?

Nammetti, l-iktar mument li jistressjani huwa eżatt qabel nitla' fuq il-palk. Eżatt xħin noħroġ u nara dawk in-nies quddiemi, nikkalma u ninsa l-istress kollu. Importanti ħafna li dawk it-tliet minuti li nkun fuq il-palk ingawdihom u nagħmel minn kollox biex dak li nkunu ilna naħdmu għalih imur tajjeb.

Xi proġetti jmiss għal Ryan Hili wara dawn is-suċċessi? 

Ma tantx ħallejna żmien jgħaddi minn wara l-Malta Eurovision. Bħalissa qegħdin naħdmu fuq ħafna proġetti differenti u ħerqan biex dan kollu naqsmuh magħkom ilkoll.

Il-parir tiegħek lil dawk il-kantanti li qed iżommu lura milli jikkompetu f’kompetizzjoni bħal MESC.

Parir li dejjem nagħti u li ser nibqa' nagħti tul ħajti kollha huwa dan; “dak li tista' tagħmel illum agħmlu u tħallix ħafna żmien jgħaddi. Ħa jkun hemm biża' u l-proċess ħa jkun stressanti wkoll, però hi esperjenza li tbiddillek ħajtek u ħa titgħallem minnha żgur. Tħalli lil ħadd iżommok milli tgħix il-ħolma tiegħek u jekk temmen li kapaċi, aħdem fuqek innifsek issa.

Minn qalbna nawguraw kull suċċess lil Ryan, u nirringrazzjawh tal-ħin tiegħu!

Dean B - Malta Photographer & Videographer


Kyle Zarb