Għal żmien twil il-kantanta Nadine Axisa kienet wiċċ regolari ġo festivals lokali, inkluż il-Malta Eurovision iżda dawn l-aħħar snin imxiet 'il bogħod minn din ix-xena. Ħames snin ilu, ħarġet l-album Velvet, album b'kanzunetti jazz mill-isbaħ inkluż il-kanzunetta bil-Malti Għanja b'kompożizzjoni ta' Walter Vella u Mark Attard, imżewqa b'lirika mill-isbaħ mill-pinna ta' Joe Julian Farrugia.
Issa aktar tard ix-xahar id-dieħel imiss proġett ieħor ta' Nadine Axisa, proġett bl-isem ta' Il-Ħoss Tal-Għabex. Proġett b'jazz kontemporanju kolllu kemm hu bil-Malti. Il-kunċert tat-tnedija ħa jsir fit-30 ta' Novembru u 1 ta' Diċemebru. Fuq il-paġna tat-tnedija ta' dan l-album Nadine qalet: "Sa mit-tlestija tal-ewwel album tiegħi kont qed infittex kunċett interessanti għal album ġdid. Xtaqt nagħmel xi ħaġa aktar kreattiva u esperimentali."
"Dan il-proġett jikkonsisti f’arranġamenti ta’ għanjiet Maltin li l-biċċa l-kbira minnhom ġew ippubblikati fis-snin sebgħin u tmenin. Kien vjaġġ li jinvolvi sperimentazzjoni minn perspettiva melodika, armonika, ritmika, u sonika. Dawn il-melodiji li saru parti mill-kultura tagħna bħala Maltin, qed jiġu ppreżentati f'dawl ġdid. L-arranġamenti muzikali huma ta’ Joe Debono filwaqt li David Vella ta' Temple Studios kien responsabbli għall-produzzjoni, mixing u mastering ta’ dan l-album."
Ritratt: Bernard Polidan - Facebook / Nadine Axisa
Aħna f'isem Gwida.mt nawguraw lil Nadine l-isbaħ xewqat f'dan il-proġett, ċertament li dawk li għandhom għal qalbhom il-jazz u l-mużika Maltija ħa jieħdu gost bih ferm! Awguri u ħerqana biex nisimgħu dak li ħdimt fuqu!