San Anton School fuq il-mezzi soċjali tagħhom qasmu l-aħbar li mietet waħda mill-istudenti tagħhom. Huma jiktbu, "Hija b’qalbna mnikkta li naqsmu magħkom l-aħbar devastanti tat-telfa ta’ membru ieħor tant għażiż tal-familja tagħna ta’ San Anton."

Huma jżidu, "Aħna profondament imnikkta bil-mewt f’daqqa ta’ Julia Perry, fir-Renju Unit il-Ħadd li għadda, fl-età ta’ 25 sena. F’dan il-mument tant diffiċli u iebes, nitolbukom iżżommu lill-ġenituri ta’ Julia u lil oħtha Maria f’ħsibijietkom u fit-talb tagħkom, hekk kif qed jiffaċċjaw din it-telfa li kważi ma tistax tinftiehem."

San Anton School ikomplu, "Matul il-ħames snin li Julia qattgħet magħna, qabel kompliet l-istudji tagħha f’boarding school barra minn Malta, il-preżenza ġentili tagħha għamlitha membru maħbuba ħafna fil-familja tagħna ta’ San Anton. Kienet tfajla ta' natura kwieta, imma t-tjubija u l-ispirtu tagħha messu l-qlub ta’ sħabha l-istudenti u l-għalliema bl-istess mod."

Huma jtemmu, "Il-memorja ta’ Julia tibqa’ għal dejjem f’qalbna, u l-ispirtu tagħha jibqa’ jgħix magħna fil-komunità ta’ San Anton. Jalla tistrieħ fis-sliem ta’ dejjem."

F'isem it-tim ta' Gwida, inwasslu l-kondoljanzi tagħna lill-familja, ħbieb u lil dawk kollha li kienu jafu lil Julia. Strieħ fis-sliem għażiża!


Emil Calleja Bayliss