Fil-festival Mużika Mużika ta' April li għadda, Claudia Faniello serqet il-qlub ta' ħafna u kienet il-vuċi tagħhom bil-kanzunetta Ġmielek.

Ċertament li l-kanzunetta Ġmielek laqtet lil bosta u dan ġie rifless anke fir-riżultat. Il-kanzunetta klassifikat fit-tielet post fil-finali tas-Sibt. Claudia tkellimna dwar l-iktar karattertistika li tħoss li laqtet lil kull min semagħha.

"L-għan ta' Ġmielek kien li tkun diska illi tagħti vuċi lil min iħossu emarġinat u eskluż mis-soċjetà għal raġuni jew oħra. Il-kanzunetta tmiss uġigħ differenti li b’xi mod ilkoll nistgħu nassoċjaw miegħu. Fuq kollox imbagħad tlissen messaġġ ta’ tama illi jappella għal kulħadd."

tt

Ritratt: Facebook/ Claudia Faniello

Claudia tgħidilna kif il-messaġġ wasal fejn kellu jasal u "ma ħalla lil ħadd barra." Issemmi li rċeviet diversi messaġġi wara li l-kanzunetta ħarġet fil-beraħ. "L-ammont ta’ messaġġi li rċevejt illi qaluli li b’xi mod laqtithom kien kbir u dak huwa l-akbar rigal għalija personali."

Staqsejna lil Claudia dwar x'kien l-isbaħ kumment jew reazzjoni li rċeviet wara l-esperjenza ta’ Mużika Mużika.

"L-ammont ta’ ġenituri li bagħtuli 'grazzi' li ħsibt f’uliedhom. Ta’ spiss bkejt jien u naqrahom, li hu żgur li se nibqa' ngħożżuhom u tawni motivazzjoni biex nagħmel iżjed biex nagħmel differenza."

tr  

Ritratt: Facebook/ Claudia Faniello

Fuq il-mant li kienet liebsa Claudia kien hemm miktub, ‘Għalik li tħossok waħdek, kun af li m’intix.” Erba' kelmiet li bla ma trid jagħtuk sens ta' kuraġġ u tama. Fl-intervista tispjegalna fil-qosor l-intenzjoni ewlenija din is-sentenza li tant spikkat.

"Dawk huma parti ċkejkna minn poeżija tal-poeta Francesco Grech. Ridt inkompli niċċelebra l-ilsien Malti u l-letteratura Maltija. Iżda fuq kollox ridt nuża kliem illi fis-sempliċità tagħhom jiġbru l-messaġġ sħiħ ta’ Ġmielek – diska li kull kelma fiha tlissen tbatija u wġigħ mhux biss li ħassejt jien iżda ħafna nies oħra bħali, filwaqt li huwa messaġġ ta’ tama ukoll."

Ħafna apprezzaw il-fatt li Claudia użat il-lingwa tas-sinjali waqt il-prestazzjoni tagħha fuq il-palk ta’ Mużika Mużika. 

"Bħalma ħafna jafu jien LSE u gradwata fl-edukazzjoni inklussiva. Għaldaqstant, l-inklużjoni bla dubju ta' xejn hija ferm għal qalbi u naħdem bi sħiħ sabiex din tiġi rispettata. Il-lingwa tas-sinjali Maltija, minbarra li hija lingwa uffiċjali, dejjem affaxxinatni u kont ilni nisħaq li nixtieq ninkoporaha f’xi prestazzjoni milli jkolli."

Claudia tkompli li, "L-użu tal-lingwa tas-sinjali fi Ġmielek, bl-aktar mod prattiku wassal il-messaġġ sħiħ tal-kanzunetta. Inħoss li b’dan il-mod l-arti waqqgħet barriera li tpoġġi s-soċjetà."

Xi ħaġa li ferrħet lil ħafna kien id-dwett ta' Claudia ma' ħuha Fabrizio! Apparti minn kollox huma kantaw il-kanzunetta li ma tintesa qatt, Sal-Aħħar Nifs. Claudia kellmitna dwar din l-esperjenza ħelwa.

"Ta’ spiss jistaqsuna meta ħa nagħmlu dwett u dejjem nirrispondu li xi darba jsir ukoll, iżda s’issa, uffiċjalment għadna qatt ma poġġejna bilqiegħda u ddiskutejniha. Ovvjament kienet reazzjoni tajba ħafna min-naħa tat-tnejn u filfatt deher biċ-ċar kemm ħadna gost inkunu fuq dak il-palk prestiġġjuż flimkien."

Claudia tgħidilna kemm l-appoġġ u l-kummenti pożittivi għall-prestazzjoni tagħha u ta' ħuha kien fenomenali. Minn qalbha Claudia tirringrazzja lil kulħadd għal dan u tinsab grata li f'kull parti minn dan il-vjaġġ sabet lill-pubbliku warajha.

Imma lil Claudia ħa nerġgħu narawha waqt il-festival Mużika Mużika fil-futur? "Għalissa għadni ħierġa friska, friska minn dan u Ġmielek għad fadlilha x’toffri lis-soċjetà. Bħalissa dik hija l-prijorità għalija."

 Nawguraw minn qalbna aktar suċċessi lil Claudia!

Mużika Mużika


Kyle Zarb