Lil kull min isegwi lil Ron jaf kemm hu persuna simpatika li l-ħin kollu jidħak u jiċċajta! Mhux l-ewwel darba li ġibed saqajn xi ħadd ukoll! F'din l-intervista nsiru nafuh ftit aktar...
Ron min jafek mill-viċin, x’jgħid fuqek? Fil-ħajja ta’ kuljum inti dejjem tkun ferrieħi? Liema huma dawk is-sitwazzjonijiet li l-aktar jirrabjawk?
X’aktarx li m’hemmx wisq differenza bejn dak li jidher fuq il-midja u r-realtà. Ninsisti miegħi nnifsi li fuq il-midja nibqa’ kemm jista’ jkun dak li jien, jiġifieri nibqa’ naturali. Ovvjament, f’każ li nkun qed ninterpreta xi karattru, storj’oħra. Fil-ġurnata tiegħi ta’ kuljum nagħmel il-massimu biex nibqa’ pożittiv, anke jekk il-ħajja taf tkun ta’ sfida f’xi mumenti.
Ftit pożittività diġà ttejjeb is-sitwazzjoni. Minkejja li ma nirrabjax ta’ spiss, l-inġustizzji u l-argumenti ta’ xejn iġegħluni, f’xi waqtiet, nirrabja ħafna.
Inti familjari kemm mal-udjenza tat-televixin u anki mas-semmiegħa tar-radju. Kif beda dan in-namur għall-midja?
Meta kont żgħir qatt immaġinajt li kont se ssir wieħed mill-aktar preżentaturi maħbuba ta’ Malta?
Il-bidu ta’ kollox kien it-teatru. Imbagħad waslet esperjenza sabiħa ta’ programm għat-tfal fuq TVM. Kien hawn li ltqajt ma’ tim ta’ preżentaturi żgħażagħ li kollha kellhom ħafna x’joffru. Eventwalment ingħaqadt ma’ Frank Zammit fi programmi tar-radju li ħaduna f’ħinijiet differenti tal-jum fuq iktar minn stazzjon wieħed u li laqqgħuna ma’ għexieren ta’ esperjenzi mill-aqwa.
Fil-frattemp waslet esperjenza li tat bidu għal avventura unika fuq it-televixin. In-namur għall-midja x’aktarx li minn dejjem kien hemm. Biss, iktar milli ppjanajt li nkun qed nagħmel dak li preżentement nagħmel, sa minn mindu kont iżgħar (għax għadni żgħir) kont insib sodisfazzjon kbir fil-kuntatt dirett man-nies. U nemmen li din hi waħda mill-aktar affarijiet importanti fil-midja.
Ma nistgħux insemmu t-televixin mingħajr ma nsemmu l-programm tat-tfal Mini Bugz. Inti kont tinterpreta l-karattru tas-Sur Honey għal erba’ snin sħaħ. X’kien li ħajrek tagħmel parti mit-tim ta’ Mini Bugz? Titħajjar tidħol għal xi ħaġa simili ’l quddiem?
Id-dinja tal-programmi tat-tfal fiha l-affaxxinu tagħha. Li kelli x-xorti nkun parti minn wieħed mill-aktar programmi popolari mat-tfal fuq it-televixin hi xi ħaġa li żżommni grat għal dejjem.
Meta ngħaqadt mat-tim ta’ Mini Bugz sibt quddiemi sfida fiha nnifisha, l-aktar minħabba l-fatt li l-programm kien diġà stabbilit, popolari ħafna u b’formula li n-nies kienet drat sew, u dan grazzi għas-suċċess miksub mill-ewwel tim ta’ Mini Bugz.
Biss, l-isfida għarafna nbiddluha f’opportunità li daħħlitna fid-djar tan-nies, fil-pjazez u fuq palkijiet diversi għal erba’ snin sħaħ, tista’ tgħid kuljum. Kieku kellu jiġi fuqi xi ħadd u jistaqsini, “nerġgħu nibdewh għada?”, ngħidlu immedjatament “IVA” (minkejja l-impenn li jinvolvi).
La għandi ċ-ċans irrid nirringrazzja lil Toni Busuttil, Frederick Zammit, Louiselle Vassallo, il-Fairy, u ovvjament Mini u Griz ta’ din l-avventura. Mini Bugz wassalni għal waħda mill-aktar esperjenzi pożittivi fuq it-televixin - il-programm Purée, li sa ftit xhur ilu kien għadu jixxandar (u jaqta’ kull aptit ta’ ikel) ta’ kull filgħaxija.
Apparti li inti preżentatur, inti wkoll attur; mhux biss fuq it-televixin iżda wkoll fil-qasam teatrali.
Fil-fatt bħalissa għaddej bil-provi ta’ kummiedja li kienet ġiet tradotta għall-Malti minn Zep Camilleri: L-Impotenti. Kif intbaħt li għandek ukoll it-talent tad-drama? Liema kienet l-aktar rappreżentazzjoni li tatek sodisfazzjon?
Kif semmejt aktar qabel, il-bidu ta’ kollox kien it-teatru. Grat, ad eternum, għat-teatru u l-esperjenzi li tani maż-żmien. Kien l-għalliem tat-Taljan li ħajjarni nissieħeb mad-DUTP, u minn hemm skoprejt dinja teatrali li għadni nesperjenzaha ta’ kuljum.
Nemmen bis-sħiħ li bażi teatrali tgħin lil kwalunkwe persuna f’kull xogħol li tagħmel fil-ħajja tagħha ta’ kuljum. Diffiċli nagħżel liema kienet ir-rappreżentazzjoni li tatni l-aktar sodisfazzjon. Biss fost il-favoriti għandi l-esperjenza ma’ Kelma Kelma, Nota Nota (2017), Caught in the Net (2015), B’Tal-Linja Jaqbillek Żgur (2016), l-addattament għall-palk ta’ Il-Ħarsa ta’ Rużann ta’ Francis Ebejer (2019) u kull rappreżentazzjoni li tellajt flimkien ma’ Hector Bruno. Ma’ dawn inżid l-esperjenzi tal-kunċerti ta’ Voices.
Fil-preżent qed naħdem fuq L-Impotenti, bi traduzzjoni tal-mibki Zep Camilleri fuq l-oriġinali ta’ Nicholo Macchiavelli, fejn jispikka plott imħawwar bl-aqwa mod minn awtur li hu magħruf għal din ix-xorta. Ħerqan biex fil-bidu ta’ Novembru li ġej naqsam il-palk tat-Teatru Manoel ma’ numru ta’ atturi bravi, taħt id-direzzjoni ta’ Mario Micallef.
Il-vokabularju Malti tiegħek hu pjuttost wiesa’. Ħafna jammiraw l-espressjonijiet ħelwin li titfa’ f’waqthom. Minn dejjem kont tħobbu l-ilsien Malti?
Sinċerament nemmen li fil-Malti hemm espressjonijiet li jagħmluh jinstema’ ‘ħelu’ ħafna aktar minn kemm naħsbu. U jekk insib waqtiet li fihom nista’ nitfa’ xi espressjoni li naħseb li tinżel tajjeb, normalment nitfagħha. L-ilsien Malti minn dejjem kien favorit, u bqajt inħaddnu sal-Università.
Fil-preżent qed nikkollabora ma’ Kite Group fuq proġett ta’ ġabra ta’ rakkonti u esperjenzi strambi u komiċi minn atturi waqt li kienu fuq il-palk. Nittama li fix-xhur li ġejjin ikollna ċ-ċans li naqsmu din il-ġabra mal-pubbliku inġenerali.
Is-safar, speċjalment fi Sqallija, bħal donnu sar parti minnek. Għaliex Sqallija minn tant pajjiżi? Tirrakkuntalna xi bawxata li għaddejt minnha meta kont imsiefer?
Din bdiet b’kumbinazzjoni kbira. Nibtet minn programm għat-televixin li kellu l-għan li jippromwovi dak kollu li għandha x’toffri Sqallija aktar minn sempliċement ġita għax-xiri f’Katanja. U meta bdejna nfasslu l-programm sibna ma’ wiċċna gżira mogħnija b’xenarju, ikel, attrazzjonijiet u esperjenzi diversi li wieħed ma jirrealizzax li qegħdin daqshekk qrib tagħna.
Minn programm twieldet paġna fuq Facebook li kontinwament taġġorna dwar dak kollu li jkun għaddej, jew li wieħed jista’ jagħmel waqt il-ġita tiegħu fi Sqallija. In-nies tiktbilna kontinwament għal suġġerimenti, pariri jew għal daqqa t’id waqt li tippjana l-vjaġġ tagħha fil-gżira ġara tagħna. B’hekk, illum il-ġurnata nħoss li Sqallija saret parti minni aktar minn kemm naħseb.
Fost l-esperjenzi li nistgħu nikklassifikaw bħala bawxati, hemm waħda tal-2004 meta wara li għaddejt miċ-check-in tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, il-Pulizija tal-Immigrazzjoni (li inzerta ħabib tiegħi) infurmani li kelli l-passaport skadut. Dħaqtlu lura biex nurih li indunajt li kienet ċajta u lestejt biex nimxi, sakemm indunajt li wiċċu beda jinbidel biex jikkonvinċini li ma kienx il-każ.
Mort dritt il-Belt nagħmel passaport urġenti u qbadt ajruplan li telaq aktar tard mal-jum. Ġara iżda, li fl-2014, għaxar snin wara, kelli nsiefer mal-istess persuna. Fi triqti lejn l-ajruport iċċekkjajt jekk il-passaport kienx miegħi, tajt daqqa t’għajn lejn id-dati u indunajt li l-istorja reġgħet irrepetiet ruħha! Il-passaport kien skada bi ftit jiem. Tarraftlu x’kien ġara u fil-pront daħaqli lura biex jurini li induna li kienet ċajta. Sakemm f’moħħu ħadem somma ta’ kemm għadda żmien mill-2004 sal-2014.
Nafu li tħobb issegwi l-futbol kemm lokali kif ukoll dak internazzjonali, speċjalment it-tim tal-Milan. Saħansitra ġieli anki kont kummentatur waqt logħba futbol fil-grawnd ta’ Malta. Iżda inti ġieli lgħabt futbol? Tħobbu l-eżerċizzju inġenerali?
Hemm min ma jafnix mill-qrib li jiskanta meta jinduna li nsegwi l-futbol bil-mod li nagħmel. Insegwi l-aħbarijiet sportivi (mhux biss tal-futbol) kontinwament, u b’kull mezz. In-namur għall-akbar tim mill-belt ta’ Milan kien minn dejjem, u minkejja li l-perjodu preżenti mhux daqstant pożittiv, il-passjoni tibqa’. Wieħed jittama li dal-perjodu ma jkomplix jiġġedded wisq.
L-istess passjoni teżisti għat-tim nazzjonali Malti, u nħossni onorat li f’ħafna okkażjonijiet kelli x-xorti li nanima jew li nikkummenta waqt il-logħob tat-tim nazzjonali Malti. Nilgħab f’logħbiet ta’ ħbiberija ma’ TeamMT, tim magħmul minn diversi personalitajiet li normalment tarahom fuq il-palk, it-televixin jew ir-radju. Reċentement, ġejt ingaġġat ukoll ma’ PBS FC, tim li qed jaspira li fil-futur qarib jikseb numru ta’ unuri.
Inti għandek biża’ kbir mill-buttuni u l-ġrieden. Il-biża’ mill-ġrieden nistgħu nifhmuh. Iżda hemm xi raġuni partikolari għala tibża’ mill-buttuni? Minn dejjem kien fik dal-biża’ jew ġie maż-żmien?
Din hi mistoqsija li nipprova nevita kemm jista’ jkun. Minkejja li l-annimali nqishom ħbieb tiegħi sew, ir-relazzjoni mal-ġrieden għandha ħafna limiti. Tal-buttuni forsi teħtieġ iktar spjegazzjoni. Mhux se naħrab niġri jekk nara buttuna (maqlugħa minn postha), iżda żgur li m’iniex se naqbadha b’idejja biex inressaqha. X’aktarx li bdiet minn storja li kont smajt meta kont iżgħar (għax għadni żgħir) ta’ persuna li daħlitilha buttuna fi mneħirha, u allura bqajt impressjonat b’dak li smajt.
Aqtgħalna ftit kurżitajiet:
i. Kif iltqajt mat-tfajla tiegħek Francesca?
Viċin il-Junior College, u minkejja li qatt ma kont rajtha qabel, qaltli l-istorja ta’ ħajti fi spazju ta’ kwarta.
ii. Tista’ ssejjaħ lilek innifsek romantiku?
Minkejja li mhux dejjem jirnexxili nkun, nipprova ħafna.
iii. Fiex inti ggradwat u x’inhu x-xogħol prinċipali tiegħek?
Iggradwat fil-Baċellerat tal-Komunikazzjoni u l-Malti, fil-Baċellerat tax-Xjenzi Liberali kif ukoll ksibt il-Masters fil-Liġi, fl-Ekonomija u fil-Politika tal-Unjoni Ewropea. Naħdem fil-qasam tal-edukazzjoni, tal-midja u tat-traduzzjoni.
Ħafna.
v. Ġieli nsejt il-linji meta kont waqt rappreżentazzjoni teatrali?
Iva. Biss bl-għajnuna tal-oħrajn dejjem sibt kif indur mas-sitwazzjoni.
Kif tħossok fil-mużika u l-kant?
Inħobb kull tip ta’ mużika. Kapaċi ndoqq pjanu bażiku. Minkejja x-xewqa eterna, m’iniex kapaċi nkanta wisq.
X’inhu s-sigriet biex il-ħajja tgħixha bi tbissima? Tixtieq tgħaddi messaġġ lil dawk li l-ħajja jeħduha wisq bis-serjetà?
Il-ħajja mifnija b’sitwazzjonijiet li kapaċi jimlewna b’ħafna toqol. Kultant ninkwetaw u nargumentaw wisq fuq affarijiet frivoli. Affarijiet li jgħaddu. Il-ħajja qasira wisq biex nibqgħu nżommu fina. M’hemm l-ebda sitwazzjoni li ma tistax titranġa b’xi mod jew ieħor. Ħafna drabi, bi ftit rieda tajba, naslu. Bi ftit pożittività nitbissmu ħafna iktar!