Is-sena li għaddiet mis-56 librerija pubblika li nsibu fil-Gżejjer Maltin ġew mislufa b’kollox 685,469 ktieb. Din il-figura tinkludi wkoll is-self ta’ 58,575 e-book. Għaldaqstant, il-maġġoranza assoluta tal-kotba li ġew mislufa mil-libreriji pubbliċi kienu jikkonsistu f’kotba fiżiċi.

Skont informazzjoni maħruġa minn Malta Libraries, il-maġġoranza tal-kotba li ġew mislufa mil-libreriji pubbliċi fl-2023 kienu kotba bl-Ingliż. In-numru ta’ kotba bil-Malti mislufa mil-Libreriji Pubbliċi Ċentrali ta’ Malta u Għawdex, il-Libreriji Reġjonali u l-Libreriji Lokali fl-2023 kien ta’ 259,528 ktieb filwaqt li n-numru ta’ kotba bl-Ingliż li ġew mislufa kien ta’ 354,158 ktieb.


Jekk nieħdu bħala eżempju l-Librerija Pubblika Ċentrali ta’ Beltisebħ wieħed isib li mis-sezzjoni tal-adulti matul is-sena 2023 ġew mislufa 6,910 ktieb bil-Malti, filwaqt li n-numru ta’ kotba mislufa bl-Ingliż kien ta’ 23,388. Mill-banda l-oħra, il-kotba mislufa mis-sezzjoni tat-tfal mil-Librerija Pubblika Ċentrali bil-Malti kien ta’ 16,917 filwaqt li l-kotba mislufa bl-Ingliż kien ta’ 51,662.


Mis-56 librerija pubblika li nsibu fil-Gżejjer Maltin, 32 minnhom ġew mislufa aktar kotba bl-Ingliż milli bil-Malti. Il-libreriji li minnhom ġew mislufa aktar kotba bl-Ingliż milli bil-Malti kienu jinkludu l-libreriji ta’ Ħ’Attard, Birkirkara, ix-Ħal Safi, San Pawl, San Ġwann, Marsascala, Ħal Luqa, Siġġiewi, tas-Sliema u Santa Luċija.

In-numru ta’ libreriji li minnhom ġew mislufa aktar kotba bil-Malti milli bl-Ingliż kien ta’ 23 minn 56 librerija pubblika. Il-libreriji li ġew mislufa aktar kotba bil-Malti milli bl-Ingliż kienu jinkludu l-libreriji ta’ Birżebbuġa, il-Fgura, il-Għargħur, il-Gudja, il-Ħamrun, il-Kalkara, iż-Żurrieq, ix-Xgħajra, Ħaż-Żabbar u Ħal Qormi.
Fil-librerija ta’ Ħal Għaxaq in-numru ta’ kotba li ġew mislufa bil-Malti u bl-Ingliż fl-2023 kien indaqs.

F’Għawdex mill-maġġoranza tal-libreriji pubbliċi ġew mislufa aktar kotba bl-Ingliż milli Malti fl-2023. Kienu biss il-libreriji tal-Qala u taż-Żebbuġ li minnhom ġew mislufa aktar kotba bil-Malti milli bl-Ingliż.


Gwida.mt