Adrian Dellia, minn fuq il-pjattaforma soċjali tiegħu, itella’ ritratt ta’ memorja ħelwa tal-magħmudija ta’ Gabriel ta’ sentejn ilu li seħħet fil-festa ta’ Santu Kruċ u jawgura l-festa t-tajba lill-karkariżi kollha.

Filwaqt li l-patri Dijonisju Mintoff jikteb kelmtejn dwar l-importanza ta’ din il-festa.

Għalkemm illum mhix fost l-aktar magħrufa fil-gżejjer Maltin, il-Festa ta’ Santu Kruċ kienet, fil-passat, waħda mill-aktar ċelebrazzjonijiet reliġjużi solenni tas-sena. Il-Knisja Kattolika kellha żewġ festi ddedikati lis-Salib Imqaddes: waħda fit-3 ta’ Mejju li tfakkar is-sejba tas-Salib minn Sant’Elena, u oħra fl-14 ta’ Settembru li tfakkar l-eżaltazzjoni tiegħu, meta l-Imperatur Kostantinu bena bażilika fuq il-Golgota fejn kien meqjum is-Salib. Skont il-ġrajja, fl-326 W.K., Sant’Elena, waqt pellegrinaġġ f’Ġerusalemm, ħeġġet lill-Isqof Makarju biex ifittex is-Salib. Twaqqa’ tempju pagan u nstabu tliet slaleb u l-qabar ta’ Kristu. Aktar tard, wara li nsteraq ir-relikwarju mill-Persjani, l-Imperatur Erakliju rnexxielu jġibu lura Ġerusalem.

Għalkemm il-festa tat-3 ta’ Mejju tneħħiet mill-kalendarju liturġiku, f’Birkirkara għadha tiġi ċċelebrata b’dedikazzjoni kbira. F’din l-okkażjoni, isir purċissjoni bil-vara ta’ Sant’Elena u relikwa tas-Salib magħrufa bħala l-Veru Lignum. Il-Karkariżi jħossuhom kburin li l-istatwa tal-qaddisa patruna toħroġ darbtejn fis-sena: fit-3 ta’ Mejju u f’Awwissu, f’ċelebrazzjoni mimlija tradizzjoni, għożża u fidi.

Ritratt: David Vella


Rowena Grech