Throwback Thursdays ila għaddejja żmien twil u personalitajiet lokali ta’ spiss jixħtu xi ritratt jew ieħor mill-passat! Jidher li biex jirriklaw l-istaġun li jmiss u jħejju l-ispettaturi għal dak kollu li għandhom jistennew din is-sena, X Factor Malta ixxerja l-audition ta’ Kevin Magri.

Kull ma’ kien hemm miktub li din hi waħda minn dawk l-auditions li ħadd mhu se jinsa! Jidher li dan il-filmat qajjem reazzjoni kbira, reazzjoni negattiva minħabba l-fatt li qed jerġa’ jiġi xxerjat fuq il-midja soċjali!

Uħud mir-reazzjonijiet li hemm fuq il-filmat jinkludu, “nagħmlu reklam billi nwaqqgħu għaċ-ċajt lil min emmen fis-show tagħkom... prosit, vera eżempju tajjeb.” Kien hemm min kompla billi qal “ma jgħaddilkomx minn moħħkom li persuna tista’ toħodha ħażin xi ħaġa hekk? Forsi l-bniedem ikun għaddej minn xi mument ħażin f’ħajtu, din ikun jonqsu... istħu jekk tafu kif.”

Kummenti tal-famuża frażi ‘shame on you’ ma naqistx anqas u kumment partikolari kompla, hekk tridu tippromovu l-programm billi twaqqgħu għaċ-ċajt nies li għandhom il-kuraġġ jiġu jipprovaw jagħtu l-aħjar tagħhom lil udjenza Maltija. Imisskom tistħu!”

Oħra kkumentat u qalet, din l-audition tfakkarni kemm m’għandux empatija Howard. Ma tweġġa’ lil ħadd billi tkun orrajt! Oħrajn malajr qabżu u qalu li Howard qed jipprova jkun Simon Cowell ta’ Malta. Kien hemm min irrimarka li dan hu tip ta’ onlajn bullying.

Kantanta ġdida qalet li dan mhux kif irridu li X Factor ikun! Mhux kulħadd hu perfett, li tgħid li mhumiex mhux problema imma l-ħażin li twaqqa’ għaċ-ċajt lil min japplika, anke xhur wara li dawn ġew u kull ma riedu oppinjoni u gwida. Tgħid li hi kwistjoni diżappuntanti u għalkemm X Factor hu ħolma, ħadd ma ħaqqu jiġi umiljat b’dan il-mod.

Ħafna irrimarkaw dwar il-fatt li f’pajjiżna kulħadd jaf lil kulħadd u dan mhux sew li jseħħ! Oħrajn li jafu lil Kevin, qalu kemm il-ġuvni għandu karattru ferrieħa u dejjem inissel tbissima kull fejn ikun, inkluż fil-post tax-xogħol tiegħu. Ironikament hu jagħmel il-karaokes u dawn ikunu ta’ suċċess kbir. Kien hemm min kiteb li X Factor imissho iġibu dawn ix-xeni mhux il-filmat bil-kummenti tal-ġurija.

Ta’ min ifakkar li l-parteċipanti li japplikaw għal dan il-programm jifformaw kuntratt u f’dan il-kuntratt ikun hemm miktub li l-filmati li jittieħdu waqt X Factor jistgħu jibqgħu jintużaw tul is-snin. Għalkemm il-kantant ma jkunx jaf kif ħa tmur l-audition tiegħu, jaf li dak kollu li jiġri jista’ jibqa’ jintuża. Taqbel jew le hi kwistjoni oħra.

Intom x’taħsbu? Temmenu li filmat bħal dan kellu jintuża bħala throwback jew kontu tużaw audition li kienet ta’ suċċess b’reazzjoni pożittiva mingħand il-ġuija? Għidulna x’taħsbu!


Emil Calleja Bayliss