Peppi Azzopardi, il-persuna li ħoloq L-Istrina jirrakkonta kif darba kien laqgħa l-PBS u hekk kif lesta, hu u ħiereġ mill-binja tal-PBS, ħareġ jiġri warajh is-security u talbu jerġa’ jdur lura. Il-Kap tal-Programmi ta’ TVM, Sylvana Cristina, riedet terġa’ tkellmu.  

 Peppi ma tantx kellu aptit imur lura u hekk kif reġa’ daħal fl-istess kamra fejn kien għadu kif lesta l-laqgħa ftit minuti qabel, sab bilqiegħda lil Marija Bugeja, li dak iż-żmien kienet tieħu ħsieb il-Cash for Cancer. Din xtaqet xi ideat ta’ kif setgħet tiġbor flus għal dawk li kienu qegħdin ibatu bil-kanċer. Kien minn hemm li nibtet l-idea li jinħoloq spazju b’differenza fuq it-televiżjoni, fejn jinġabru flus għal dawk l-aktar fil-bżonn. 

Kollox beda bi ftit li xejn riżorsi, mill-kċina tal-flat ta’ Peppi. Flimkien ma’ grupp żgħir ta’ studenti u voluntiera nhar is-26 ta’ Diċembru 1995,  seħħet l-ewwel Istrina u rnexxielhom jiġbru sitta u għoxrin elf lira Maltija li għal dak iż-żmien kienet somma inkredibbli. 

Matul is-snin f’ L-Istrina ħadu sehem il-personalitajiet, l-isportivi, il-politiċi u n-nies tal-ispettaklu, personalitajiet mill-aktar magħrufa, fejn imitaw, żifnu, lagħbu logħob u għamlu sfidi dejjem bil-għan li jinġabru l-flus għal dawk l-aktar fil-bżonn.  

L-Istrina kibret u saret attività ta’ kull sena, u bis-saħħa ta’ L-Istrina, matul is-snin sar ħafna ġid. Peppi beda jinkwieta li jekk jiġrilu xi ħaġa jew jiġi nieqes, L-Istrina setgħet tieqaf miegħu. Għalhekk wara 14-il sena jorganizza l-Istrina, fl-2009 talab lill-President, dak iż-żmien, George Abela, biex jieħu l-Istrina f’idejh sabiex l-Istrina jkollha istituzzjoni li tmexxiha u tkompli dak li nbeda minnu. 

Sal-lum il-ġurnata, Peppi xorta baqa’ involut bil-kbir f’ L-Istrina iżda jinsab b’rasu mistrieħa li L-Istrina tista’ tkompli anke mingħajru. “Jien mhux għal dejjem imma l-Presidenza fadlilha ħafna u ħafna snin.” 

Li kieku s-security ma laħaqx lil Peppi, li kieku Peppi kien mgħaġġel u ma darx lura, li kieku Marija Bugeja għażlet li tmur għal parir xi mkien ieħor, li kieku Peppi ma ħariġx bl-idea, li kieku llum m’aħniex qegħdin nippreparaw għall-24 edizzjoni ta’ L-Istrina, li nfakkrukom se ssir l-għada tal-Milied!


Gwida.mt