Illum, il-preżentatriċi u attriċi lokali Doriana Portelli, tingħaqad fis-sagrament taż-żwieġ mal-maħbub tagħha Lionel. Kmieni dalgħodu hi kitbet l-istorja ħelwa tagħhom, l-istorja ta' żewġ maħbubin li sabu lil xulxin.

Hi tirrakkonta, "L-istorja tat-30 ta' April. Kien it-30 ta’ April 2023, sentejn ilu, meta konna miftiehma għall-ewwel date. U ġo qalbi kont ħassejt, ma kontx naf nispjegaha, kont naf biss li din id-darba kienet differenti, unika u speċjali."

Doriana tkompli, "Meta ltqajna filgħaxija semmejna episodju li kien ġara seba’ snin qabel fl-2016. Rajtni l-ewwel darba l-ground, kont tlajt nara logħba futbol ma’ missieri, u kont issegwini fuq it-televiżjoni wkoll. Darba fost l-oħrajn saqsejtni jekk tistax tieħu ritratt miegħi jekk tarani filgħaxija f’ġurnata partikolari u għidtlek iva bil-qalb kollha."

Hi żżid, "Kien hemm eluf ta’ nies dakinhar imma rnexxielek issibni xorta waħda; kienet ix-xewqa tiegħek li jkollok dan ir-ritratt tagħna t-tnejn flimkien, u r-ritratt ħadnieh. Mintix wieħed li żżomm ir-ritratti imma dak ir-ritratt inti ma neħħejtuh qatt u żammejtuh. Fl-ewwel date tagħna fittixnieh u rrealizzajna li l-ġurnata meta ħadna dan ir-ritratt kienet it-30 ta’ April 2016."

Doriana tistqarr minn qalbha, "Ma domniex wisq ma rrealizzajna li ma rridux ngħixu mingħajr xulxin u, bix-xieraq, id-data li għażilna għat-tieġ tagħna kellha tkun it-30 ta’ April, fis-sena li tgħaqqad in-numri maġiċi tagħna flimkien: it-22 tiegħi u l-5 tiegħek, għalhekk... it-30 ta' April 2025. Id-data li se nwegħdu mħabbitna lejn xulxin quddiem Alla. Issa ngħodd il-minuti sabiex fl-aħħar inkun martek u inti żewġi. Inħobbok ħafna Lionel, inwegħdek, għal dejjem."

F'isem it-tim ta' Gwida, nawgurawlhom l-isbaħ xewqat u nittamaw li jkollhom jum mill-isbaħ, serata speċjali u ħajja feliċi flimkien.

Facebook / Doriana Portelli


Emil Calleja Bayliss