“Barbie saret ħajjitna hi”, hekk tenniet magħna Mariella Pace Axiaq. Mariella hija kantanta li ilha fix-xena mużikali għal snin twal flimkien mar-raġel tagħha George li huwa wkoll surmast, mużiċist u kompożitur huwa nnifsu.

Iżda lil hinn mill-mużika, Mariella sostniet li lil Barbie daħħluha magħhom fid-dinja tal-ispettaklu tant li jkollha wkoll stediniet. Joħduha magħhom kullimkien saħansitra issa wkoll fuq it-televiżjoni u jlibbsuha ilbies ħelu u vivaċi.

Intant nhar is-Sibt li ġej 23 ta’ Novembru 2019, Barbie ser tkun fuq il-programm SIBTEK flimkien ma’ Josmar u Ryan u ovvjament Mariella imma Mariella qaltilna, “Hi l-istilla!!!”

Meta mistoqsija jekk Barbie hix imqarba, Mariella qaltilna li pjuttost tħobb tilgħab għaliex għadha żgħira u fessuda. Xi Ħlew! Kemm huwa sabiħ li nħobbu lill-annimali u norbtuhom ma’ qalbna u nikkundannaw kull tip ta’ moħqrija fuqhom. Prosit Mariella u George.


Clifford Galea