Ftit lingwi madwar id-dinja huma storikament sinjuri daqs il-Malti. L-influwenzi differenti preżenti fil-lingwa jservu bħala prova ħajja tad-diversi kolonizzaturi ta' pajjiżna u l-vjaġġ tagħna lejn l-indipendenza.

Meta nħarsu lura fl-istorja nirrealizzaw li l-Malti kien spiss meqjus bħala l-lingwa tal-foqra, bil-klassijiet ogħla spiss jikkomunikaw bit-Taljan. Numru ta’ personalitajiet ewlenin tul l-istorja ta’ Malta għenu biex jiġbdu l-attenzjoni għall-kumplessità kbira tal-lingwa tal-pajjiż sabiex, illum il-ġurnata, hija rispettata daqs lingwi oħra barranin.

Probabbilment l-aktar importanti minn dawn il-personalitajiet kien Dun Karm Psaila, il-poeta nazzjonali ta’ Malta, li llum kien jiċċelebra l-152 sena mit-twelid tiegħu! Dun Karm kien twieled f'Ħaż-Żebbuġ fl-1871 fejn kien qatta’ l-ewwel snin tiegħu jgħix ma’ ommu hekk kif missieru kien baħri, u qatta’ ħafna żmien barra minn xtutna.

Ta’ 23 sena Dun Karm sar saċerdot, u sena wara beda jgħallem diversi suġġetti fis-Seminarju – dawn kienu jinkludu t-Taljan, il-Latin, l-Ingliż, u l-Ġeografija, biex insemmu xi ftit. Kważi f'kull pass ta’ ħajtu, Dun Karm kien ukoll jikteb il-poeżiji; għalkemm sal-1912, kiteb esklussivament bit-Taljan.

Waqt li qal dan, tajjeb ngħidu li l-kontribuzzjonijiet poetiċi tiegħu bil-Malti ħallew impatt ferm akbar fuq l-istorja letterarja ta' pajjiżna. Forsi l-aktar xogħlijiet notevoli tiegħu bil-lingwa Maltija jinkludu Il-Jien u lil hinn Minnu, L-Innu ta’ Filgħodu, u L-Innu ta’ Filgħaxija, għalkemm il-proġett li kkonkretizza ismu bħala poeta nazzjonali ta’ Malta kien bla dubju l-Innu Nazzjonali.

L-Innu Nazzjonali ta’ Dun Karm kien kantat għall-ewwel darba fl-1923, għalkemm kien biss fl-1941 li ġie rikonoxxut uffiċjalment bħala l-Innu Nazzjonali ta’ Malta.

Insellmu l-memorja tiegħu f'dan il-jum!


Emil Calleja Bayliss