L-attur, kantant u produttur lokali Jeffrey Scicluna jifraħ lil Keira Farrugia li lbieraħ rebħet it-titlu ta' The Best Promising Performer fuq is-sensiela Brillanti, sezzjoni li kienet tassew missielta. Leah Mifsud spiċċat fit-tieni post filwaqt li Sam Scicluna Lewis spiċċat fit-tielet post.

Jeffrey jikteb messaġġ mill-isbaħ dwar Keira. Hu jibda billi jgħid, "Qatt ma kelli dubju mit-talent ta' din it-tfajla. Naf għax kelli l-opportunità li niltaqa' magħha u nipperswadiha biex tkun parti mill-produzzjoni li dderiġejt jien sena ilu. Id-dramm 'MARIAM' għal żmien il-Ġimgħa Mqaddsa ma' grupp SKENE u nistqarr li ma ddispjaċinix."

Hu jżid, "Ilbieraħ Keira ġiet premjata mhux biss għat-talent imprevedibbli tagħha, imma wkoll għar-reżiljenza, għas-sempliċità imma fuq kollox għall-umiltà tagħha. Dan kien biss preludju għas-suċċess li ksibt ilbieraħ, Keira Farrugia . Fi żmien li ġej mhux biss għad inkomplu nisimgħu bik imma nemmen li se tasal biex twettaq il-ħolm tiegħek. Ibqa' dejjem kif int - saqajk mal-art u rasek fuq għonqok. Awguri u prosit għax verament jixraqlek. Mhux Ħal Luqa biss imma Malta kburija bik."

F'isem it-tim ta' Gwida, nieħu l-opportunità sabiex nifraħ lil Keira għal dan is-suċċess. Hawn taħt tistgħu terġgħu taraw il-wirja tagħha, fil-karattru ta' soru li saħħritna lkoll mill-ewwel darba li rajnieha. Għandek talent mill-isbaħ Keira, ibqa' aħdem u stinka għax kapaċi tagħmel ħafna affarijiet kbar. Awguri mill-qalb!


Emil Calleja Bayliss