Vox pops, quizzes, intervisti, filmati esklussivi, vidjos mużikali, trailers minn films, stejjer… Dawn, u ħafna iktar waqt il-programm il-ġdid tat-tfal F’Idejna, li se jibda jixxandar kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa b’repetizzjoni nhar ta’ Sibt fuq l-istazzjon ONE. Dan minn April li ġej.

Bi produzzjoni ta’ Ruth Frendo, F’Idejna se jiġi ppreżentat minn ħames preżentaturi tfal li huma Shazney Barbara, Andy Liviu Zachin, Ana Galea, Bradley Camilleri u Hollie Micallef. F’Idejna jibbenifika minn grant tal-Active Citizens Fund mill-Islanda, minn Liechtenstein u min-Norveġja, grazzi għall-EEA Grants li f’pajjiżna hu amministrat minn SOS Malta. Kull programm se jkun qed jinkludi suġġetti ferm importanti li se jiġu trattati b’mod interessanti imma fl-istess sempliċi.

Eżempju ta' x'għandkom tistennew hu dan li ġej, grazzi għal dokumentarju dwar l-attivista Malala, it-telespettaturi tfal mhux biss se jsiru jafu dwar din it-tfajla, iżda se jiskopru kemm hu importanti li teżisti l-ugwaljanza bejn is-sessi. Imbagħad, grazzi għall-karattri popolari li t-tfal kollha jħobbu, fosthom l-ors simpatiku Paddington u l-ġurdien żgħir Feviel mill-film animat An American Tail (1986), se nitkellmu dwar is-suġġett tar-refuġjati.

Minbarra hekk, se naqsmu wkoll pariri dwar kif it-tfal għandhom iġibu ruħhom ma’ nies anzjani. Imbagħad, se naraw kif l-atleta popolari Serena Williams mhux biss hi ambaxxatriċi tal-UNICEF, imma anki tuża l-midja soċjali bbiex tiġġieled kontra d-diskriminazzjoni li ċertu nies jiffaċċaw minħabba l-karnaġġjon tagħhom. Dawn, fost ħafna iktar suġġetti li għandhom jintgħoġbu mhux biss mit-telespettaturi żgħar, imma anki minn nies maturi.

Il-producer, Ruth spjegat, "Hekk kif F’Idejna hu mmirat għat-tfal, hu importanti li t-telespettaturi żgħar isiru jafu dwar dawn it-temi importanti. Dan sabiex meta jikbru, jiżviluppaw f’ċittadini qalbhom tajba kapaċi jiddistingwu bejn dak li hu ħażin u dak li hu tajjeb. Hekk biss tista’ s-soċjetà tagħna tinbidel f’waħda pożittiva u b’saħħitha."

F’Idejna se jibda jixxandar minn April mit-Tnejn sal-Ġimgħa fit-08:30, fit-15:35 u fis-19:15; b’repetizzjoni nhar ta’ Sibt fit-15:35 fuq l-istazzjon ONE.


Gwida.mt