Ilbieraħ intemmet l-aħħar semi-finali ta' Malta's Got Talent u għat-tieni ġimgħa konsekuttiva, ir-riżultat qajjem diskussjoni taħraq fuq il-mezzi soċjali. Dan wara li fit-tieni u fit-tielet semi-finali għaddew bil-vot tal-pubbliku l-wirjiet li kienu jinvolvu grupp kbar. L-argument ta' ħafna hu, li t-talenti ta' dawk li qegħdin jagħtu wirjiet individwali qatt ma għandhom ċans jibdew mal-vot tal-pubbliku fuq gżira żgħira bħal Malta.

Dan minħabba l-fatt prinċipali li pajjiżna żgħir u dawk li jkunu interessati li jsegwu u jivvutaw huma nies relatati mal-parteċipanti, familjari, ħbieb jew kollegi. Din qed tagħmilha kważi impossibbli fuq wirjiet minn talenti individwali sabiex javvanzaw fil-kompetizzjoni u jaslu dal-finali. Infatti fil-finali ta' din is-sena nsibu erba' wirjiet biss minn talenti ta' persuni individwali. Kienu tnejn biss li rnexxielhom jiksbu posthom dirett għall-finali mingħajr ma jgħaddu għal quddiem il-ġurija, dawn huma il-pjanista bravissima Beth li kisbet il-golden buzzer ta' Gordon Bonello u Kyrian Bonello li kiseb il-golden buzzer ta' Sarah Zerafa.

Id-drag queen Olivia Lilith li kisbet il-golden buzzer ta' Ray Attard irnexxielha tgħaddi bil-vot tal-ġurija, filwaqt li d-DJ Sheron ilbieraħ għadda bil-vot tal-pubbliku wara li l-ġurija ma rnexxielhomx jaslu għal deċiżjoni bejn min ħaqqu jgħaddu bejnu u bejn id-draq queen li impressjonat lil kulħadd Triannah Wilde. Il-gruppi li għamlu għall-finali huma: La Voix Harmonies, Dancing Angels, United Performers, Guitar Projects u Street Elements.

Kumment fuq il-paġna ta' Malta's Got Talent ta' segwaċi ta' dan il-programm għadda s-suġġeriment li jagħmel sens għall-fażi tas-semi-finali, "Proset lil finalisti però jien naħseb li biex tkun fair il-gruppi għandhom ikunu f'semi-final waħda għalijhom. Li tillimita l'ammont ta' kemm jieħdu sehem nies fi grupp ma tagħmilx sens għax skola taż-żfin/kant xorta jiksbu ammont ta' voti mill-istudenti u familjari tagħhom."

Ritratt: Facebook / Malta's Got Talent

Filwaqt li persuna oħra kiteb, "Prosit lil kulħadd! Iżda mill-edizzjoni li jmiss għandhom jillimitaw l-ammont ta' nies li għandu jkun hemm f'kull prestazzjoni. Huwa ovvju li gruppi akbar qed ikollhom vantaġġ fuq l-oħrajn. U n-nies għandhom jivvutaw darba biss għal kull prestazzjoni."

Ritratt: Facebook / Malta's Got Talent

Żewġ kummenti validi li jistgħu jbiddlu d-dinamika tal-programm. Tajjeb li ngħidu li din id-diskussjoni ma nħolqitx mix-xejn, minn 30 semi-finalista, l-unika wirja li kienet tinvolvi aktar minn persuna waħda li nqalgħet kienet il-wirja minn Malta BMX li fiha kienet tinkludi Malti wieħed. Il-wirjiet l-oħra li kienu jinvolvu numru ta' nies kollha waslu għall-finali. Wieħed jista' jargumenta f'dan kollu li issa ħa jkollna finali aktar bilanċjata u l-aqwa talent fl-aħħar mill-aħħar għandu jirbaħ.

L-għażla minn hawn 'il quddiem taqa' kompletament f'idejn in-nies. B'hekk kull vot huwa importanti! Tajjeb li dawk li jiddeċiedu li jivvutaw, jivvutaw għal dik il-wirja li jemmnu hija l-aqwa u mhux għax jafu lil xi persuna jew oħra! F'isem it-tim ta' Gwida.mt, nawguraw lill-finalisti kollha. Ninsabu ċerti li ħa jagħtuna spettaklu mill-aqwa!

Facebook / Malta's Got Talent


Emil Calleja Bayliss