Ir-rebbiegħa hi mingħajr dubju waħda mill-istaġuni preferiti fost ħafna min-nies bil-ġmiel kollu li ġġib magħha.

Minbarra s-sbuħija naturali madwarna, ta’ kull sena dan l-istaġun iġib miegħu wkoll is-suq artiġjanali organizzat mill-Malta Crafts Foundation, bil-ġmiel kollu tal-prodotti artiġjanali maħduma lokalment.

Blooms, kif inhu magħruf dan is-suq artiġjanali, ser isir nhar is-Sibt, 11 ta’ Mejju, bejn l-10:00 ta’ filgħodu u s-19:00 ta’ filgħaxija. Għat-tieni sena konsekuttiva se tkun Pjazza Tritoni, fid-daħla għall-Belt Valletta, li se tkun qed tospita dan is-suq artiġjanali.

L-edizzjoni ta’ din is-sena se tkun l-akbar waħda s’issa, bil-parteċipazzjoni ta’ iktar minn 50 artiġjan differentiinn. Minn ġojjelli jew ornamenti għad-dar b’materjali differenti, għal ikel artiġjanali, pitturi, u ħafna aktar.

Għadd sabiħ mill-artiġjana se jkunu qed jagħmlu wkoll dimostrazzjonijiet tas-snajja tagħhom, fosthom tal-insiġ bin-newl, ganutell, filigranu, u xogħol bl-injam.

Dan is-suq joffri wkoll opportunità unika biex jinxtraw rigali awtentiċi għal Jum l-Omm, li se jkun qed jiġi ċċelebrat propju fit-tmiem il-ġimgħa.

U sabiex tingħata daqqa aktar ferrieħa lil dan is-suq artiġjanali, se jkun hemm ukoll Ta’ Verna Folk Band jallegraw lil dawk preżenti bil-mużika folkloristika tagħhom.

Għal aktar dettalji, tista’ żżur is-sit elettroniku tal-Malta Crafts Foundation jew issegwi l-paġni soċjali fuq Facebook u Instagram

Blooms

Facebook/ Malta Crafts Foundation


Gwida.mt