F'Gadgets li xxandar il-bieraħ fuq TVM iltqajna ma' Michael Debattista li hu persuna nieqes mid-dawl.

Michael huwa bniedem kuraġġuż ħafna għaliex ma jibżax mill-isfidi li qed tiffaċċjalu l-ħajja iżda bl-għajnuna tat-teknoloġija huwa kapaċi jgħix ħajja normali.

Fil-filmat jispjega kif huwa gradwat mill-Universita' ta' Malta u għandu kemm Baċellerat  fil-Youth and Community Studies kif ukoll Masters f'Disability Studies.

Michael

Facebook / Michael Debattista

Bit-teknologija ta' llum il-ġurnata, Michael jirnexxielu jkun jaf kemm misħun għandu fil-mug tiegħu biex ma jwaqqgħax kif ukoll jinduna kemm għandu flus fil-kartiera.

Apparti minn hekk il-fatt li llum tista tisma kull ma jkun hemm miktub fuq il-kompjuter kif ukoll tkellmu biex jagħmel li trid int jgħin ħafna lil persuni bħal Michael biex jintegraw iktar fis-soċjeta'.

Li jixtieq Michael, kif nimmaġina oħrajn fis-sitwazzjoni tiegħu, hija li tieqaf in-negattivita' tan-nies fl-atteġjamenti lejn nies bħalu. 

Kif rajna, hu qed jiffunzjona sew fis-soċjeta', u jixtieq li kulħadd jitrattah bl-istess mod bħal ma nittrattaw nies li m'għandhomx diżabilita' bħalu.

Gadgets jirritorna minn nhar is-Sibt 5 t'Ottubru fis-6:15pm fuq TVM .


Neville Refalo