Il-kantanta lokali Julie Pomorski riċentament kienet waħda mill-mistiedna fuq il-programm tal-Ġimgħa filgħaxija Xow! Julie rrakkontat storja ħelwa ta' meta spiċċat fl-inkwiet mad-direttur ta' spettaklu li hi u Ron kienu fih, minħabba li Ron kien qiegħed tard.
Julie tgħid li d-direttur beda jistaqsi fejn hu Ron, u hi bdiet tibgħatlu biex tara fejn qiegħed. Il-produzzjoni kienet ġo t-Teatru Manoel u b'hekk malajr kellha l-iskuża li probabbli qed idum biex jasal għax għadu qed ifittex parking.
Iżda xħin id-direttur reġa' saqsa għal Ron, Ron kien żvela ma' Julie li għadu maqbud jiffilmja iżda din baqgħet issib l-iskużi għalih! Id-direttur donnu ma tantx ħa gost u kważi li beda joħodha ma' Julie!
Ron irringrazzja lil Julie pubblikament għal dak li għamlet u kkonferma l-imħabba tiegħu lejn il-programm, għax għalhekk wasal tard! L-ironija kienet li xħin wasal, id-direttur kulma qal lil Ron, ejja ħa mmexxu għax qegħdin ftit tard!
Probabbli tah xi tbissima minn tiegħu Ron u ħelisha ħafif!