Richard u Raisa Micallef jispjegaw x'fisser għalihom il-fatt li setgħu jaqsmu mumenti tant speċjali mat-tifel tagħhom Benjamin. Huma saħqu li Micsy hija parti mill-familja u għaldaqstant kienu kuntenti li dan seta' jseħħ.

Richard u Raisa, wara ħafna preparamenti, waslet il-ġurnata li tissiġillaw l-imħabba u r-relazzjoni tagħkom permezz taż-żwieġ. L-ewwelnett, kif qed tħossukom issa li għamiltu dan il-pass?

Ferħanin u sodisfatti li wara ħafna preparamenti, għadda kollox b’wiċċ il-ġid. It-tnejn li aħna konna qed nistennew din il-ġurnata b’ħerqa kbira! Konna eċċitati u ħerqanin ħafna. Fil-verità ma nbidel xejn drastikament peress li konna diġà ngħixu flimkien ma' Micsy u Ben, però din il-ġurnata kienet mezz ta' ċelebrazzjoni ta' mħabbitna m'Alla, il-familja u ħbieb tagħna.

Liema kienu l-isbaħ mumenti mit-tieġ?

Fil-verità, minn xħin konna fil-knisja sal-aħħar mument kien qisu bħal ħolma. Kull mument kien sabiħ, u li nibqgħu ngħożżu għal dejjem. It-tnejn li aħna ma rajniehx itir il-ħin, kif jgħidu, il-ħin itir meta tkun qed tieħu gost.

Irnexxilkom tilħqu l-aspettattivi tagħkom? Żvolġiet kif ippjanajtuha din il-ġurnata? Kontu sodisfatti?

Iva ħafna, kienet ġurnata perfetta, kollox mexa eżatt kif ippjanajna. Kellna għajnuna kbira biex it-tieġ tagħna jkun kif xtaqna. Ringrazzjament speċjali jmur għall-wedding planner tagħna Jurgen Briffa, John Vella Galea minn Villa Arrigo, Fr Karm tal-quddiesa tant sabiħa li għamlilna, Luke tal-Fade In għall-vidjow, Dalton tal-karozzi li provdilna classic mustang li kienet ix-xewqa ta' Richard, Twanny tal-fjuri, The Groom għas-suits, The Residents għall-mużika u l-brijju li qajmu mal-lejl u fl-aħħar u mhux l-inqas il-familji u ħbieb tagħna li saħansitra ġew minn l-Ingilterra u l-Awstralja!

View this post on Instagram

A post shared by Raisa Micallef (@raisamicallef_mlt) on

X'fisser għalikom il-fatt li f'din il-ġurnata tant speċjali għalikom kien preżenti t-tifel tagħkom, iċ-ċkejken Benjamin?

Ovvjament bħala ġenituri, Benjamin ifisser id-dinja għalina u allura l-fatt li stajna naqsmu din il-ġurnata miegħu ukoll fisser ħafna għalina. Il-fatt li kien magħna u saħansitra ħafna mill-ħin kien imqajjem ukoll, miż-żfin sakemm inqasam il-kejk, kienet iktar speċjali għax irnexxilna ngawdu din iċ-ċelebrazzjoni kollha f'daqqa.

Kien hemm membru ieħor partikolari tal-familja preżenti fit-tieġ, il-kelba tagħkom Micsy. Għaliex insistejtu li tkun? Kienet faċli biex dan iseħħ?

Iva, permezz ta' Villa Arrigo u ta' pet sitter irnexxilna nwettqu ħolma kbira għalina. Micsy hija parti mill-familja tagħna u li kieku ma kinitx preżenti konna se nħossu n-nuqqas kbir tagħha. Konna verament ferħanin kif Villa Arrigo ikkonfermaw li Micsy setgħet tkun magħna wkoll! Nirringrazzjawhom minn hawn, għax din kienet ferm importanti għalina.

Laqat l-għajn ta' ħafna l-invit tat-tieġ li kien ferm oriġinali, għaliex kien jinkludi karikaturi tagħkom, inklużi ta' Benjamin u Micsy. Ta' min kienet din l-idea?

Kienet idea tagħna t-tnejn. Il-ġurnata tat-tieġ ma kinitx biss ċelebrazzjoni tal-imħabba tagħna t-tnejn iżda wkoll dik tal-familja tagħna u allura ridna li fl-invit ninkludu wkoll lil Ben u Micsy, u eventwalment ġietna din l-idea tal-karikaturi. Grazzi lil Sean Cini li wettaq tajjeb ħafna dak li kellna f'moħħna.

View this post on Instagram

A post shared by Raisa Micallef (@raisamicallef_mlt) on

Waqt it-tieġ, proprju għall-ewwel żifna, indaqqet l-istess kanzunetta, bi ftit arranġamenti, li kiteb u kanta Richard għal waqt il-proponiment. X'kien għaddej minn moħħkom f'dak il-mument?

Ikollna nammettu li għall-ewwel żifna konna kemmxejn eċitati speċjalment meta tara dawk il-ħafna għajnejn fuqek iżda wara ftit li bdiet il-kanzunetta qisna t-tnejn li aħna irrilassajna u gawdejna l-mument. Il-fatt li kellna dik l-istess kanzunetta għamel il-mument aktar speċjali u emozzjonali għaliex tirrealizza fejn wasslitna mħabbitna.

U aktar lura mill-proponiment, kif iltqajtu? Kif bdiet ir-relazzjoni tagħkom?

Aħna konna ltqajna l-ewwel darba fi programm televiżiv, Don't Stop Me Now, aktar minn sitt snin ilu, però r-relazzjoni tagħna bdiet madwar erba’ snin ilu fejn konna ħbatna wiċċ imb’wiċċ f'bar, f’Awwissu tal-2014 u minn hemm beda l-vjaġġ tagħna li wassalna għal dak li aħna llum.

X'kienet l-ewwel impressjoni li ħadtu ta' xulxin?

Impressjoni tajba żgur għax il-ġibda hemm kienet però ovvjament aktar ma sirna nafu lil xulxin, dik il-ġibda żviluppat f'xi ħaġa ferm isbaħ u soda.

L-ebda koppja ma taqbel f'kollox, kif tilħqu kompromess fuq dak li ma taqblux? Min iċedi l-aktar?

It-tnejn li aħna għandna daqsxejn rasna iebsa però jkolli ngħid li Richard l-aktar li jċedi. Ovvjament f’ċerti s-sitwazzjonijiet miż-żewġ naħat ikun jeħtieġ li ċċedi biċċa biex jintlaħaq kompromess.

View this post on Instagram

A post shared by Raisa Micallef (@raisamicallef_mlt) on

Xi jżomm ir-relazzjoni tagħkom b'saħħitha?

Minbarra ovvjament l-imħabba u r-rispett, il-komunikazzjoni. Inħossu li hi importanti ħafna li nitkellmu bejnietna, tkun xi tkun is-sitwazzjoni. Hi faċli li titkellem meta ma tkunx f'argument però hija iktar importanti li titkellem f'dawk il-mumenti ta' tiżgwid. Nippruvaw kemm nistgħu li meta jkollna xi argument, nitkellmu dwar dak li jkun qed idejjaqna jew li ma naqblux fuqu u ma nħalluhx għaddej fit-tul.

Disa’ xhur ilu bdejtu kapitlu ġdid ieħor f'ħajjitkom, bħala ġenituri. Tħossu li kien hemm xi tibdil fil-personalitá tagħkom bħala individwi u anki fir-relazzjoni tagħkom f’dawn id-disa’ xhur?

Iva, id-differenza ssir mill-ġurnata li ssir ġenitur. Tinbidel il-perspettiva ta' kif tħares lejn il-ħajja mill-mument li ssir konxju li għandek ħajja ta' tarbija li tiddependi kompletament fuqek u fuq l-għażliet li tagħmel. Aħna konna dejjem persuni responsabbli però meta tkun ġenitur is-sens ta’ responsabilità jikber ħafna aktar.

Veru li imħabba ġenwina tissupera kollox?

Iva, fil-fatt il-kejk tat-tieġ tagħna kellu miktub 'All you need is love, love is all you need', għax aħna nemmnu li ħajja mingħajr imħabba m'hijiex ħajja kompluta. L-imħabba tagħti definizzjoni lill-ħajja.

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.

Instagram / @raisamicallef_mlt


Roberta Magri