Il-vjolenza fuq l-uffiċjali tal-pulizija ġiet diskussa f'laqgħa tal-Konfederazzjoni Ewropea tal-Pulizija, EuroCOP, li tlaqqgħet f'Malta, u ospitata mill-Malta Police Union.

Il-laqgħa ffukat kemm fuq iż-żieda allarmanti ta' attakki fiżiċi, bil-fomm u virtwali fuq il-pulizija kif ukoll il-ħtieġa li tibda tinġabar statistika dwar atti ta' vjolenza kontra l-pulizija fl-Ewropa sabiex programmi ta' taħriġ għal pulizija jiġu mirquma aktar.

F'diskors li għamel, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri qal li l-vjolenza fuq l-uffiċjali tal-pulizija jeħtieġ tkun miġġielda b'kull mod u l-pajjiżi għandhom obbligu li jagħtu l-għajnuna kollha possibbli biex din tonqos.

Huwa rrefera għal dak esperjenzat f'Malta fl-aħħar snin u l-effetti tal-introduzzjoni tal-bodycams milbusa mill-pulizija Maltin fl-2021.

“L-introduzzjoni tal-bodycams tliet snin ilu tat aktar mezz ta' protezzjoni lill-pulizija sabiex jistabbilixxu l-fatti, filwaqt li  l-filmati meħudin minn dan it-tagħmir ikun utli ferm anke fi proċeduri fil-qrati. Dan wassal biex din l-għodda tkun ta' benefiċċju u protezzjoni kemm għall-uffiċjali tal-pulizija u anke għall-pubbliku. Dan wassal sabiex l-uffiċjal tal-pulizija jkun aktar protett, l-inċidenti naqsu, u tnaqqsu wkoll l-allegazzjonijiet bla bażi li kemm-il darba ġew esperjenzati fil-passat," qal il-Ministru Camilleri.

Il-EuroCOP hija organizzazzjoni li tlaqqa' flimkien tletin union tal-korpi tal-pulizija minn diversi pajjiżi Ewropej u tirrappreżenta l-interessi ta' aktar minn kwart ta' miljun uffiċjal tal-pulizija minn ħamsa u għoxrin pajjiż Ewropew.


Gwida.mt