L-aċċess għal ilma nadif minn dejjem kien sfida ewlenija fil-komunitajiet rurali. Mingħajru, il-familji ma jistgħux jixorbu b'mod sikur, ikabbru l-prodotti, jew jitimgħu l-bhejjem. In-nuqqas ta' ilma nadif iżid ukoll ir-riskju ta' mard li jiġi trasmess mill-ilma, li jista' jkollu effetti devastanti fuq is-saħħa u l-għajxien tal-individwi.
Lundazi, belt żgħira fiż-Żambja, bdiet tħabbat wiċċha ma’ dawn l-isfidi li kulma jmur dejjem jikbru, u talbet l-għajnuna. Il-bjar tal-komunità kienu kkontaminati, u b'hekk l-ilma ma kienx tajjeb għax-xorb. B'riżultat ta' dan, il-mard li jinġarr mill-ilma nfirex, u ħoloq diffikultajiet serji għas-saħħa u soċjoekonomiċi. In-nisa u t-tfal kienu mġiegħla jimxu distanzi twal fit-tfittxija ta' ilma nadif. Ħafna drabi jiddependu fuq sorsi mhux affidabbli li ma jkunux aċċessibbli, speċjalment ukoll matul l-istaġun xott għax-xita ma tagħmilx.

Bi tweġiba, Missio Malta ssieħeb mad-Djoċesi ta’ Chipata biex jipprovdi tliet spieri, u b’hekk tiġi żgurata provvista ta’ ilma tax-xorb nadif u sikur is-sena kollha. Dan il-proġett li bidel il-ħajjiet ta’ għexieren ta’ nies, għen biex inaqqas il-mard, jipprevjeni l-imwiet u jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien b’mod ġenerali.
Bis-saħħa tal-ġenerożità ta’ diversi benefatturi Maltin u Għawdxin, din l-inizjattiva saret realtà. Illum il-ġurnata, in-nies ta’ Lundazi u l-komunitajiet fil-qrib għandhom l-ilma li tant kellhom bżonn b’mod iddisprat. L-appoġġ tal-benefatturi mhux biss ipprovda bżonn bażiku, iżda wkoll irrestawra d-dinjità u t-tama lil dawn il-familji. Missio tassew huwa grat għat-tjubija u l-impenn tal-benefatturi li jagħmel differenza fil-ħajjiet ta’ dawk fil-bżonn.

Naf li inti li qed taqra tixtieq tgħin lil komunitajiet simili t’hawn fuq u ħafna oħrajn bħalhom imxerrdin mad-dinja kollha. Missio Malta qed jagħmel ħiltu kollha sabiex kull persuna jkollha opportunità li tgħix ħajjitha b’dinjità. Jekk tixtieq tgħin fi proġetti simili t’hawn fuq, tista’ tagħti donazzjoni billi tikkuntattja lil Missio Malta jew iżżur il-websajt: https://missio.org.mt/donate. Aktar informazzjoni tinkiseb minn fuq il-websajt www.missio.org.mt, minn ‘Facebook’ jew fuq 2123 6962. Grazzi mill-qalb.