Il-President tal-Parlament Ewropew u MEP Maltija Roberta Metsola ġiet ippreżentata bl-Ordni tal-Mertu Ukren mill-President tal-Ukrajna Volodmyr Zelenskyy.

Waqt it-tielet żjara tagħha fil-pajjiż minn mindu faqqgħet il-gwerra, il-President tal-Parlament Ewropew qalet li f’Jum l-Ewropa li qed jiġi ċċelebrat illum, riedet tibgħat messaġġ qawwi f’ġurnata li tissimbolizza l-kooperazzjoni u l-integrazzjoni Ewropea.

"Aħna nibqgħu mal-Ukrajna għal kemm hemm bżonn. Mindu seħħ l-attakk mhux ipprovokat, l-Ukreni baqgħu jiġġieldu għal-libertà," qalet il-President tal-Parlament Ewropew.

Il-President Metsola stqarret li hi onorata li irċieviet l-Ordni tal-Mertu Ukren mill-President Zelenskyy. “Hija xhieda tad-determinazzjoni tagħna li nkomplu nappoġġaw lin-nies kuraġġużi tal-Ukrajna hekk kif jiddefendu u jipproteġu l-valuri komuni tagħna. Il-futur tagħna huwa wieħed komuni.”

Intant, il-konferenza tal-aħbarijiet tal-President Metsola ma’ Volodymyr Zelensky kellha tieqaf ħesrem hekk kif sireni li wissew li kien għaddej attakk mill-ajru dwew mal-kapitali Ukrena.

Huma ġew skortati lejn xelters.

Matul iż-żjara tagħha, il-President Metsola indirizzat lill-Parlament tal-Ukrajna, magħruf bħala l-Verkhovna Rada, fejn tenniet li l-Parlament Ewropew qatt mhu se jgħejja jirrepeti li post l-Ukrajna hu fl-Unjoni Ewropea.

Il-President Metsola qalet li l-Ewropa dejjem se tkun fuq in-naħa tal-Ukrajna, “Biex inkun ċara: l-Ewropa dejjem se tkun favur l-paċi. Paċi reali b’dinjità, integrità u libertà. U nafu li qatt ma jista’ jkun hemm xejn dwar l-Ukrajna, mingħajr l-Ukrajna.” Roberta Metsola enfasizzat il-ħtieġa li tiġi msaħħa d-determinazzjoni tal-Ewropa "biex kull tifel u tifla Ukrena jinġiebu lura lejn il-familji tagħhom, lura lejn djarhom." Is-sejħa tagħha tasal hekk kif madwar 20,000 tifel u tifla ġew milquta minn deportazzjoni u trasferiment illegali minn żoni okkupati tal-Ukrajna mir-Russja.

Il-President Metsola ngħatat ukoll Dottorat Onorarju mill-Università Nazzjonali ta’ Kyiv Taras Shevchenko.


Charlton Cefai