Nhar is-Sibt li għadda ħafna min-nominati tal-Malta Film Awards kienu tant sodisfatti u ferħana bir-rebħiet tagħhom. Ċertament li wara tant ħidma kulħadd jieħu gost li jirċievi rikonoxximent. Apparti ħafna affarijiet pożittivi li ġraw dik il-lejla, ħafna kienu li kkummentaw għall-fatt li l-lingwa Maltija ngħatat il-ġenb.

Tista' tgħid inqalet polemika kbira, u l-pubbliku stenna li jintuża l-ilsien Malti waqt serata lokali bħal din. Mill-banda l-oħra kien hemm min tkellem bil-Malti u ċertament dan ġie apprezzat, Fosthom kien hemm Louise Doneo, li tkellmet bil-Malti waqt li tat kelmtejn.

Żewġha Mark Doneo, waqt li feraħ għas-suċċess tagħha, apprezza bil-wisq iktar dan. Fuq Facebook kiteb dwar dan. "Fraħt meta smajthom isejħulha isimha, mela ma fraħtx, ħsibt li se toħroġ qalbi mill-qmis, il-verita'. Imma il-mument għalija kien meta bdiet titkellem bil-Malti."

Doneo jkompli, "Hemmekk xtaqt inqum bilwieqfa u nċaċpilha ħafna aktar. Sirt inħobbha daqsxejn aktar minn dak il-mument. Brava sieħbi. Mhux ta' b'xejn iħobbuk in-nies." Prosit Louise, tassew l-Malti jieħu gost jisma' ilsien pajjiżu jiġi użat u msemmi!


Kyle Zarb