Iż-żeffiena u preżentatriċi tar-radju Celaine Buhagiar Bugeja, tirrifletti fuq il-ħidma tagħha tul dawn is-snin fi ħdan Campus FM. Hi tikteb, "Illum, 3 ta’ Lulju... 25 sena... kif itir iż-żmien! Minn junior producer, għal in-house producer, għal Kap tal-Programm(i), għal Station Manager ta’ Campus 103.7."

Celaine tkompli, "Vjaġġ li beda bħala studenta tal-komunikazzjoni fl-1996, nipprova nsib triqti għal dak li xtaqt nagħmel fil-ħajja — b’ħafna determinazzjoni, ostakli u ħidma — illum wasalt s’hawn."

Hi tistqarr, "Grata li matul is-snin kelli ċ-ċans naħdem mal-ifjen xandara veterani, fosthom Ġorġ Peresso; eks-kollegi li għamlu l-post tax-xogħol wieħed ikkulurit, fosthom Kenneth Mizzi li tani diversi opportunitajiet biex nimraħ bil-vuċi tiegħi; u Pierre Cassar, li miegħu kelli l-ewwel lectures ta’ kif tikteb programm għar-radju u li wkoll kien strumentali fit-tiswir tal-karriera tiegħi fl-istazzjon. Produtturi preżenti u oħrajn li ħdimt magħhom matul dawn il-25 sena."

Celaine tgħaddi wkoll ringrazzjament fejn tgħid, "Ma nistax ma nirringrazzjax lid-diretturi li mexxew l-istazzjon u li tawni l-fiduċja biex nimraħ aktar, u li mingħandhom tgħallimt - għax fil-ħajja qatt m’għandek tinsa minn fejn bdejt!"

Hi ttemm, "Illum, lir-Rettur tal-Università ta’ Malta u lid-diretturi li jemmnu fija u li jagħtuni s-support meħtieġ - grata għal kull mument matul 25 sena ta’ dan il-vjaġġ... u sadanittant, il-ħidma tkompli."


Emil Calleja Bayliss