Il-Kummissjoni tan-Nar tal-Għaqda Mużika Beland se tkun qed torganizza jumejn memorabbli b'ħafna divertiment fi Triq Ħaż-Żabbar fiż-Żejtun. Nhar il-Ġimgħa 10 ta' Mejju mis-7pm 'l quddiem se jittella' street party bit-tema tan-'90s u 2000s' bis-sehem ta’ Luca Lorenzo u Ryan Spiteri. 

Id-dħul għal dan il-party huwa b'xejn imma dawk li jattendu huma mħeġġa jikkontribwixxu donazzjonijiet li se jmorru għall-appoġġ ta’ Puttinu Cares, kawża nobbli li tagħti għajnuna lil dawk fil-bżonn.

L-għada, is-Sibt 11 ta’ Mejju, mis-7:30pm ‘il quddiem se tittella’ wirja tal-karozzi b'aktar minn 150 karozza. Tul din is-serata se jkun hemm ukoll DJ Sue u Kurt Galea. Dawk kollha interessata li jieħdu sehem fil-wirja tal-karozzi jistgħu jibagħtu messaġġ fuq il-paġna ta’ Facebook tas-soċjetà BELAND.

Jekk tħobbu d-divertiment, jew il-karozzi, jew tħobbu tgħinu lil min hu fil-bżonn, dawn iż-żewġ avvenimenti mhux ta' min jitlifhom! 


Marija Bellia