Ilbieraħ filgħaxija, fit-Teatru Manoel saret it-tieni konferenza dwar il-futur tal-Festa Maltija, bl-għan li jiġu mħeġġa riflessjoni u parteċipazzjoni ċivika dwar kif dan l-element uniku tal-identità kulturali tagħna jista’ jkompli jgħix u jissaħħaħ fil-gżejjer Maltin.
Din is-sensiela ta’ konferenzi bdiet is-sena li għaddiet bħala parti mill-programm Fuq il-Festa, li ċċelebra l-għoti tat-titlu prestiġjuż ta’ Wirt Intanġibbli tal-Umanità mill-UNESCO lill-festa Maltija. Din is-sena, l-inizjattiva saret parti integrali mill-proċess nazzjonali ta’ konsultazzjoni Viżjoni Malta 2050.

L-avveniment laqqa’ flimkien komunitajiet, artisti, żgħażagħ, dilettanti tal-festi u dawk li jfasslu l-politika, biex flimkien jiddiskutu kif il-festa tista’ tiġi mmodernizzata u żviluppata b’mod sostenibbli, inklużiv u rilevanti għaż-żminijiet tal-lum.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, f’intervent tiegħu enfasizza kemm hu importanti li kull ċittadin jagħti s-sehem tiegħu fil-konsultazzjoni. Huwa fakkar li l-istatus ta’ Wirt Intanġibbli tal-Umanità iġib miegħu wkoll responsabbiltà kollettiva.
“Il-festa mhijiex biss tal-Maltin, imma issa hija wkoll parti mill-wirt kulturali tad-dinja. Għalhekk irridu niċċelebrawha, nieħdu ħsiebha u nassiguraw li tkompli tikber,” qal il-Ministru.

Is-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Ronald Mizzi, tkellem dwar il-viżjoni għal Malta sal-2050 u s-sinifikat li għandu kull ċittadin fil-formulazzjoni ta’ politika kulturali fit-tul. Huwa spjega li l-kultura, inklużi t-tradizzjonijiet u l-festi, għandhom rwol fundamentali f’din il-viżjoni.
“Bil-ħsieb lejn l-2050, irridu niżguraw li l-festa mhux biss tibqa’ ħajja, imma tiġġedded, tikber u tkompli tkun spazju li jgħaqqad il-poplu Malti – f’pajjiż li jħaddan l-għeruq tiegħu iżda jħares lejn il-futur b’kuraġġ,” qal Mizzi.
Il-qofol tas-serata kien djalogu pubbliku mmexxi mill-ġurnalist Mark Laurence Zammit, li mexxa diskussjoni dinamika ma’ panel magħmul minn Dr Noel Camilleri (President, Għaqda Każini tal-Banda), President tas-Soċjetà Madonna tal-Ġilju Joseph A Zammit, Prof. Norbert Bugeja (poeta u akkademiku), u Dr Ivan Piccinino (President, Kings Own).

It-temi prinċipali tad-diskussjoni kienu l-volontarjat, l-ispejjeż dejjem jogħlew, l-involviment taż-żgħażagħ, il-valuri ta’ inklużività, ir-rwol tal-fidi, kif ukoll kif il-festa tista’ tidħol b’mod relevanti fl-era diġitali u dik tal-intelliġenza artifiċjali.