Titjira tal-KM Malta li kienet sejra lejn l-Ajruport Fontanarossa ta’ Katanja kellha terġa’ lura lejn Malta wara li kien hemm krejn li kien qed jimblokka r-runway.
It-titjira KM640 telqet minn Malta fis-6:05 ta’ filgħodu u kienet skedata tinżel Katanja fis-6:45 am. Madankollu, sa 6:25 am, l-ajruplan kien diġà beda triqtu lura lejn Malta mingħajr ma niżel.
Skont is-sit tal-aħbarijiet Taljan Ansa.it, l-operatur tal-ajruport Sac ħabbar li l-ajruport kien ingħalaq għal kull titjira - kemm dawk li kienu deħlin f'Katanja u anke dawk ħerġin.
L-operazzjonijiet komplew aktar tard hekk kif l-inkonvenjent ġie riżolut. Jidher li krejn li kien użat għal xogħlijiet ta’ manutenzjoni matul il-lejl ma tneħħiex fil-ħin.
Dan wassal għal għeluq temporanju tar-runway għal raġunijiet ta’ sigurtà. L-inċident ikkawża dewmien u anke titjiriet ġew ikkanċellati. Il-passiġġieri affettwati ġew imħeġġa jsegwu aġġornamenti u jerġgħu jibbukkjaw it-titjiriet jekk meħtieġ.