L-MP Malcolm Paul Agius Galea li huwa wkoll tabib jgħaddi ftit informazzjoni utli dwar il-monkeypox li hija magħrufa wkoll bħala l-ġidri tax-xadini. Hu jibda billi jispjega li, "Il-monkeypox hija marda kkawżata minn virus li ġej minn l-istess familja tal-virus ta' smallpox (marda li ġiet eradikata permezz ta' vaċċin)."

Hu jagħmilha ċara li, "Din il-marda ilna nafu biha għal madwar 50 sena u tissejjaħ monkeypox għax l-ewwel ma ġiet innutata kien fi grupp ta' xadini li kienu jintużaw għal riċerka. Però m'għandha x'taqsam xejn max-xadini!"

Hu jżid, "Hija marda li taffettwa lil kulħadd u taf tkun ilha fuqek sa 14-il ġurnata qabel ma jibdew l-ewwel sintomi. Matul dawn l-14-il ġurnata bniedem bil-monkeypox ma jkunx infettiv (jiġifieri ma jistax jgħaddiha lil ħaddieħor)."

It-tabib Agius Galea jgħid, "Tippreżenta b'għejja u deni flimkien ma' glandoli minfuħin u wara joħroġ raxx li jiżviluppa f'boċċi pjuttost imdaqqsin mimlijin likwidu. Huwa f'dan l-istadju li l-marda tkun infettiva! It-trattament huwa mmirat għal serħan mis-sintomi, iktar milli kura. Ir-raxx eventwalment jinxef u jifforma qoxra. Persuna tibqa' infettiva sakemm tifforma l-aħħar qoxra fuq l-aħħar ponta."

Fl-aħħar hu jgħaddi l-parir mediku li, "F'każ ta' sintomi li jistgħu jkunu ta' monkeypox, fittex konferma medika u żomm lilek innifsek bogħod minn ħaddieħor ħalli tnaqqas mill-firxa tagħha. Għalkemm hawn ħafna nformazzjoni fuq din il-marda għaddejja fuq il-mezzi soċjali, tajjeb li wieħed jinforma lilu nnifsu sew u li ma jkunx hawn allarm żejjed."

Facebook / Malcolm Paul Agius Galea


Emil Calleja Bayliss