Dr Nicholas Briffa mhux persuna ġdid għalikom il-qarrejja; kif tafu ta’ kuljum jaqsam mas-segwaċi tiegħu messaġġi li ta’ min jiftaħ widnejħ għalihom.

Illum beda billi qal, “Il-bnedmin spiss jirreaġixxu għall-istress emozzjonali u l-ansjetà bi frustrazzjoni u rabja. L-azzjoni opposta ta' dan huwa li tipprattika kif tirritorna għall-istabilità wara l-ansjetà. M'aħniex se naslu għall-istabilità la billi nkunu kritiċi ta' uliedna u lanqas billi nikkritikaw lilna nfusna lanqas. Il-ġudizzju, il-kritika, is-sens ta' tort, is-sens ta' mistħija emozzjonali ('shame') u l-biża' jattivaw reazzjoni għall-istress fina lkoll.”

Żied jgħid, “Is-sigriet biex nappoġġjaw lil uliedna emozzjonalment huwa li nsostnu (u nieħdu ħsieb) lilna nfusna l-ewwel (jew simultanjament). Din mhix faċli bħal meta tkun qed tferra tazza luminata kiesħa. Anzi hija l-iktar iebsa! Meta nagħmlu x-xogħol ta' ġenitur, speċjalment fil-preżenza kemm ta' emozzjonijiet vulnerabbli kif ukoll meta fir-relazzjonijiet ikun hemm il-kunflitt, aħna nikbru f'nies iktar kuraġġużi. Dan għaliex inkunu qegħdin naħsbu, nirriflettu, nitgħallmu u nsewwu.”

Kompla billi qal, “Dak li jgħin: Naqqas naqra l-veloċità li biha tgħix ħajtek. Ħu nifs bil-mod .. ieqaf ... ħu n-nifs bil-mod ... Profond. Isma' l-istorja (bbażata fuq il-passat u t-trobbija) li qed ngħidu kontinwament lilna nfusna. Poġġi idejk fuq qalbek u agħti widen lill-leħen intern tiegħek li huwa oġġettiv u kompassjonali. Ftakar li lir-rwol tiegħek huwa li tosserva, trawwem, tikkonnettja u tipproteġi. Inti ġentili u b'saħħtek biżżejjed biex tħobb u tmexxi lil uliedek mingħajr kliem iebes u idejn ħorox. Bħala ġenitur huwa importanti li tisma' s-sentimenti tiegħek, tissodisfa l-bżonnijiet tiegħek, tivvalida x-xewqat tiegħek u tafda lilek innifsek biex issolvi l-problemi. Jekk hemm bżonn itlob l-għajnuna. Biex nikkomunikaw mingħajr biża' u ansjetà irridu ninkorporaw il-fiduċja u l-konnessjoni magħna nfusna u ma' uliedna. Għandna wkoll niskużaw ruħna meta niżbaljaw u nerġgħu nipprovaw. Kulħadd jiżbalja! Anke l-ġenituri!”

Facebook/Nicholas Briffa


Charlton Cefai