It-tabib Joseph Mizzi ta’ spiss jaqsam fatti interessanti u spunti mill-ħsibijiet tiegħu mas-segwaċi tiegħu fuq Facebook. “Lit-tfal ngħallimhom mhux biss bil-kelma, imma billi inkun mudell għalihom. Jekk irrid nirbaħ ir-rispett tagħhom, allura jien irrid inkun l-ewwel wieħed li nurihom rispett. Ma nkunx bully magħhom, ma niksirhomx, ma nċanfarhomx bl-aħrax, napprezza t-tajjeb tagħhom, infaħħarhom, ninkorraġġihom, nismagħhom b’attenzjoni, u nagħdirhom fid-dgħufijiet tagħhom” kiteb.

“Jekk irridhom jonoraw lil ommhom, jeħtieġ jarawni nġib ruħi ma’ marti b’imħabba u rispett. Jisimgħuni ngħidilha 'jekk jogħġbok,' 'grazzi,' 'prosit,' 'aħfirli,' u 'nħobbok.' Inkun missier tajjeb għalihom jekk jaraw fija raġel li tassew inħobb lil marti. It-tfal iridu jitgħallmu rispett lejn kulħadd… lejn l-għalliema tagħhom u lejn sħabhom ukoll. Imma fuq kollox it-tfal iridu jitgħallmu ir-rispett lejn Alla. L-antiki kienu jsejħulu, “il-biża t’Alla” – attitudni ta’ qima lejh; filli jagħrfu l-awtorità tiegħu u jobduh; u l-ġenerosità tiegħu, biex iħobbuh u jafdaw fih” żied jgħid it-tabib. Bosta utenti ta’ Facebook qablu ma’ dak li qal, u faħħru l-filosofija tiegħu.


Nicole Zammit