Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom fuq Facebook, The People of Malta laqqgħu lis-segwċi tagħhom ma’ Pawlu, raġel li għandu kollezzjoni unika. Bdew billi qalu, “Jiena nġemma’ t-tappijiet tal-ħalib. Ħadd iżjed m’għandu bħalhom. Kulħadd nesiehom, anki min għexhom. L-ewwel wieħed hu tal-1938, tal-kumpanija MMU (Malta Marketing Undertaking), imbagħad ġiet MDP (Malta Dairy Products). Fl-1967 kien l-aħħar li t-tappijiet ġew bit-timbru fuqhom, meta kienet ġiet ir-Reġina f’Malta.”

Żiedu jgħidu, “Jista’ jkun li hawn xi tappijiet li jien m’għandix, imma ma nistax inkun naf. Anki staqsejt fil-fabbrika tal-ħalib u tkellimt ma’ nies li kienu għal snin jaħdmu hemm, imma ma jafux. Fl-1997 waqfu l-fliexken u daħal il-kartun. L-MMU kienet tagħmel anki l-ġobon, butir, irkotta, ġbejniet u yoghurt u kienet tittimbra t-tappijiet. L-idea probabbli hi Maltija għax fl-ebda pajjiż ma kienet issir. Warajja din il-kollezzjoni ma nafx fejn se tispiċċa.”


Charlton Cefai