Fuq il-paġna ta' NET Television għadu kif ħareġ filmat li jindika li l-Konkors Kanzunetta Indipendenza ħa jkun qed jagħmel ir-ritorn tiegħu din is-sena. Xi ftit tal-jiem ilu ħareġ l-ewwel ħjiel fejn kellna l-ittra K u żewġ spazji vojta.

Ħafna waslu għall-konklużjoni li din l-abbrevjazzjoni hija KKI. Donnhom kellhom raġun għax żvelaw li l-ewwel ittra hija fil-fatt Konkors. Iż-żewġ kelmiet l-oħra għadhom mhux magħrufa iżda l-ispazji għal kull kelma jagħmlu sens ma' Konkors Kanzunetta Indipendenza.

L-aħħar rebbieħa ta' dan il-konkors lokali kienet il-kantanta Cherylis bil-kanzunetta tagħha Nifs fuq kliem ta' Emil Calleja Bayliss u kompożizzjoni ta' Philip Vella, filwaqt li l-edizzjoni tat-tfal intrebħet minn Maria Curmi bil-kanzunetta Marelli Ma fuq kliem u mużika tal-istess Emil Calleja Bayliss u Philip Vella. Fatt kurjuż hu li kienet l-ewwel darba li ġrat fl-istorja tal-konkors li l-istess kompożitur u awtur jirbħu l-edizzjoni tat-tfal u tal-kbar.

Hemm ħafna eċitament għar-ritorn ta' dan il-festival lokali li jipprovdi vetrina għall-kanzunetta Maltija bħal ma hu Mużika Mużika u l-Għanja tal-Poplu. L-unika differenza hi li fis-snin passati dan il-festival serva wkoll ta' vetrina għat-tfal, fejn wara l-waqfa tal-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ, spiċċa l-unika festival bil-lingwa Maltija għaż-żgħażagħ u t-tfal. Wieħed jistenna jekk dan hux ħa jkun qed jirritorna wkoll. 

Nistennew li jitħabbar b'mod uffiċjali fil-jiem li ġejjin u r-regoli ta' dan il-festival!


Gwida.mt