Fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu saret iċ-ċelebrazzjoni tal-20 anniversarju mindu 10 pajjżi fosthom Malta ssieħbu fl-Unjoni Ewropea. F’diskors bil-Malti fil-plenarja, l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola rreferiet għal-lejl li fih Malta ċċelebrat dan il-mument storiku.

“20 sena ilu, kont il-Belt Valletta – ma’ eluf kbar ta’ nies, bl-attenzjoni tagħna ffukata fuq in-naħa l-oħra tal-Port il-Kbir, kif għadna kif rajna fil-filmat. Konna qed ngħoddu l-minuti u s-sekondi sakemm Malta, flimkien ma’ Ċipru, iċ-Ċekja, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, l-Litwanja, l-Polonja, l-iSlovakkja u l-iSlovenja ssieħbu fl-Unjoni Ewropea.

Dik il-folla enormi tibqa’ stampata f’moħħi għal dejjem. Pajjiż sħiħ ħerqan għal futur ta’ possibiltajiet, ta’ tama. Poplu li għaraf il-potenzjal tiegħu, li seta’ jħares ‘il quddiem b’ottimiżmu. Sentimenti li dakinhar kienu qed jinħassu minn tant nies madwar l-Ewropa.”

Il-President Metsola qalet li għal miljuni ta’ persuni, is-sħubija fl-Unjoni Ewropea fissret, “tiġdid, sens ta’ kburija, fissret għaqda. F’daqqa waħda, l-futur ma kellux limiti. Fissret sigurtà, fissret opportunità, fissret prosperità. Għalina fissret kollox.”

Hija qalet li fl-aħħar żewġ deċenji, l-Ewropa ffaċċjat sfidi bla preċedent, iżda saħqet li l-pajjiżi irnexxielhom jindirizzawhom flimkien u jgħelbuhom. “Kien hemm mumenti – fl-aktar ċirkustanzi diffiċli – li kien aktar faċli li nerħulha għal rasna. Imma rreżistejna. Għaliex fhimna li minkejja l-frustrazzjonijiet u l-imperfezzjonijiet tagħha, l-Unjoni Ewropea hi l-aqwa garanzija għalina lkoll.”

Fid-diskors tagħha il-President u MEP Maltija qalet li l-effett ta’ trasformazzjoni tat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea fuq il-ħajja tal-Ewropej għadu jinħass tal-lum. Kompliet li dan nistgħu narawh u f’kull Stat Membru, fosthom bi drittijiet għal kull ċittadin, opportunitajiet għal kull persuna, Suq Uniku li qed isaħħaħ l-ekonomiji, u politika ta’ koeżjoni li timplimenta l-impenn tagħna għall-ugwaljanza.

Spjegat li l-għaqda ma tfissirx li kulħadd għandu jkun l-istess. “Dik mhux l-Ewropa tagħna. Aħna kburin li aħna differenti. Kburin bit-tradizzjonijiet uniċi, bil-kulturi, bil-lingwi, bid-diversità tagħna. L-aħħar 20 sena huma prova ta’ dan,” saħqet Roberta Metsola.

“L-Ewropa biddlet kull Stat Membru mill-2004. Imma bl-istess mod, kull Stat Membru biddel ukoll l-Ewropa."

Għaċ-ċelebrazzjoni attendew il-mexxejja tal-istituzzjonijiet Ewropej u tal-Istati Membri meta sar l-akbar tkabbir fl-Unjoni Ewropea, fosthom l-eks Prim Ministru Malti Lawrence Gonzi, flimkien ma' żgħażagħ li twieldu fl-ewwel ta’ Mejju 2004. Fosthom kien hemm il-Maltija Ylenia Duncan li staqsiet mistoqsija lill-eks Prim Ministru Malti fil-plenarja tal-Parlament Ewropew.


Gwida.mt